Storja
Tagħti l-għonnella t’ommha li tmur lura għall-bidu tas-seklu 20

Mhux in-nies biss, meta meħtieġ, ikollhom joqogħdu kwarantina, imma wkoll il-ħwejjeġ. Hekk ġara fil-każ ta’ għonnella, ġakkettina, dublett u dublett ta’ taħt li ngħataw b’donazzjoni lil Heritage Malta mingħand familja Għawdxija.

Sa nofs is-seklu għoxrin għadd ta’ nisa u tfajliet kienu għadhom jilbsu l-għonnella. Heritage Malta għadha kemm rċeviet għonnella u lbies tal-okkażjoni mingħand familja Għawdxija. Il-konservatriċi, Claire Bonavia, spjegat li din l-għonnella tmur lura għall-bidu tas-seklu għoxrin.

L-għonnella flimkien ma’ ġakkettina, dublett twil, u dublett ta’ taħt kienu ta’ Francesca Zammit. Interessanti li dawn inħietu apposta fl-okkażjoni tal-ordinazzjoni bħala qassis ta’ ħu Francesca – Dun Pawl Ciantar – fid-19 ta’ Diċembru 1903.

“Jiġifieri għandna eżatt meta ntlibset u din it-tfajla kienet ta’ 17-il sena.”

Kienet bint Francesca, Nicolina Debrincat fi Skrittura Privata li esprimiet ix-xewqa li l-ilbies t’ommha jingħataw b’donazzjoni minħabba li huwa tipiku Malti u llum ftit li xejn għad hawn bħalu.

Il-koservatriċi spjegat li donazzjonijiet ta’ ħwejjeġ jinżammu fi kwarantina u jiġu eżaminati qabel ma jiddaħħlu fil-laboratorju.

“Din ħa tidħol nistudjaha, Innaddafha biex ineħħilha t-trabijiet u l-abra u mbagħad nibdew nistudjaw il-qies tagħha, il-materjal, x’jista’ jsir bħala konservazzjoni u jekk il-kuratriċi tixtieq tesebiha nrid ukoll nara kif ħa nimmuntaha.”

Il-konservatriċi qalet li l-għonnella għadha f’kundizzjoni tajba għalkemm kellha bżonn xi ftit tiswijiet.

“Imma grazzi għad-damage wkoll nistgħu naraw x’materjal għandna taħt pereżempju fejn ngħidu l-balena u l-biċċa iebsa dik hija magħmula minn kartuna. Nafu li hemm qishom ridges jistgħu jkunu jew ħadid jew whale bone – għadma tal-balena.”

Aktar ‘il quddiem din l-għonnella se tkun esebita fil-mużew t’Għawdex, però l-konservatriċi qalet li dan ma jfissirx li ħa tkun esebita għal dejjem.

“Id-drapp iridu noqogħdu attenti kemm se nħalluh espost kemm għad-dawl u għall-elementi naturali allura aħna wkoll nikkejterjaw biex il-libsa jkollha fejn tintrefa.”

Sadanittant l-għonnella u l-ilbies se jibqgħu preservati fi drapp tal-qoton.