Barranin
Tah attakk tal-qalb u tilef il-kontroll – ix-xufier tal-minibus li waqa’ f’Capri kien se jsir missier

Skont rapporti fil-midja Taljana, ix-xufier tal-minibus li waqa’ għall-ħabta tal-11.30am f’Capri x’aktarx li miet b’attakk tal-qalb. Emanuele Melillo, ta’ 33 sena, ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Melillo, li trabba u għex f’Napli, jħalli warajh tifel u t-tfajla Rosaria li kienet tqila. Madwar xahar ilu, Emanuele kien fis-seba’ sema li se jsir missier mill-ġdid, kif jixhed post fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook.

Il-kollegi ta’ Emanuele ddeskrivew lill-vittma bħala persuna pożittiva mmens u li dejjem kien jirnexxilu jnisslilhom tbissima fuq fommhom bin-natural allegru li kien jikkaratterizzah immens.

Fl-inċident li seħħ dalgħodu f’Marina Grande fil-gżira Naplitana, s’issa, ħadd aktar ma tilef ħajtu. Għalkemm, 28 persuna jinsabu midruba, fosthom erba’ Franċiżi u daqstant ieħor turisti mil-Libanu. Il-maġġoranza tal-vittmi ttieħdu l-Isptar Capilupi ta’ Capri, filwaqt li żewġ persuni li ndarbu gravi u tnejn oħra – fosthom tifel – li jinsabu fil-periklu tal-mewt ittieħdu għall-kura fl-isptarijiet ta’ Napli permezz ta’ ħelikopter.