Stejjer Umani
Tah kilwa minn tiegħu mingħajr lanqas biss kien jafu

L-imħabba hi minsuġa fil-karattru ta’ William Saliba. L-altruwiżmu tiegħu jispikka ma’ pazjenti b’mard fil-kliewi. Għamel l-isfida tal-Lifecyle tnax-il darba…iżda fuq kollox kien bħas-Samaritan it-Tajjeb, b’ġest ma’ raġel ieħor meta tah kilwa minn tiegħu mingħajr lanqas biss kien jafu. B’kilwa waħda, William baqa’ għaddej u bħalissa qed jitħarreġ għat-tlettax-il sfida tal-Life Cycle.

Wara snin jaqdef ir-rota mal-Lifecycle bil-għan li jinġabru fondi għall-pazjenti b’mard fil-kliewi, William Saliba ddeċieda li għandu jgħin lil wieħed minn dawn il-pazjenti b’ġest ferm akbar. Seba’ snin ilu, is-Sur Saliba ta kilwa lil persuna li ma jafx.

“Id-deċiżjoni ħadtha għax ma kontx żgħir, kelli fuq il-ħamsin sena, kont naf li l-familja tiegħi healthy jiġifieri. Kieku kont żgħir kont naħsibha darbtejn imma fl-età tiegħi ma kelli xejn x’nitlef. Qed tifhem?.”

Is-Sur Saliba rrakkonta li d-deċiżjoni ħadha sentejn qabel ma nstab pazjent kompattibli miegħu.

“Kienet ġiet tfajla li qaltilna l-esperjenza tagħha, li kienet qed tistenna kilwa u ma’ niesha ma kinux kompatibbli u jien għamilt volontier u saru xi testijiet sabu li m’aħniex kompatibbli u mbagħad għaddew xi sentejn oħra, dan qed nitkellem seba’ snin ilu issa u ċempilli Paul tar-Renal Unit qalli għadek interessat int? Għadtlu iva. Qalli għax hemm tlieta din id-darba kompatibbli miegħek.”

Stqarr li jibża’ jagħti d-demm, imma ma ħasibhiex darbtejn biex jagħti organu.

“Għandi tattoos, imma tattoos mod u labra ġol-vina moħħi jaħsibha mod ieħor. Dik iebsa, kienet iktar iebsa milli jneħħulek il-kilwa għax kont naf li b’waħda ħa tgħaddi normali.”

Is-Sur Saliba rrakkonta li qabel daħal għall-operazzjoni deher quddiem bord magħmul fost oħrajn minn psikjatri u tobba li analizzaw l-għażla tiegħu li jagħti kilwa lil persuna li ma kienx jaf.

“U laqqgħuni ma’ ħabib tiegħi Anthony, ftit ġranet qabel kien qiegħed hemm fuq il-magna l-ewwel darba li ltqajna għax qatt ma rajtu jiena. Minn hemmhekk bdejna testijiet biex ikunu jafu kemm aħna kompatibli qed tifhem. Ħafna testijiet tad-demm etc. Umbagħad saret l-operazzjoni.”

Wara ftit ġimgħat mill-operazzjoni, is-Sur Saliba kien qed jitħarreġ għal sfida oħra tal-Lifecycle . . . minn dakinhar qal li għamel xi ħamsa oħra u diġà beda t-taħriġ għat-tlettax-il Lifecycle tiegħu.

“Dejjem tgħid tal-aħħar għax hija iebsa. Il-Lifecycle hija iebsa. Trid tagħmel xi erba’, ħames xhur training. Trid taqdef għaxar sigħat kuljum daqqa fid-deżert bħas-sena li għaddiet 45 degrees u daqqa taħt iz-zero Iceland qed tifhem iebsa ħafna imma qed tagħmilha għal għan wieħed biex jinġabru l-flus.”

L-isfida tal-Lifecycle din is-sena se ssir fil-Kambodja, il-Vjetnam u Laos.

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar