Lokali
Taħditiet bejn il-Gvern u l-Kummissjoni Venezja dwar l-istituzzjonijiet tal-pajjiż

Il-Kummissjoni Venezja tinsab Malta fuq talba tal-Gvern Malti biex tanalizza kif qed taħdem id-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’Malta.

Il-Kummissjoni li hija parti mill-Kunsill tal-Ewropa qed ikollha sensiela ta’ taħditiet li bdew b’laqgħa mal-aġent Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, li fost oħrajn spjegaw lill-Kummissjoni l-mod kif jaħdem il-Parlament u l-ġudikatura.

Fi żmien xahrejn, il-Gvern Malti għandu jkollu rapport tal-Kummissjoni Venezja dwar l-istituzzjonijiet, is-saltna tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura f’Malta.

Dan hekk kif delegazzjoni minn din il-Kummissjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa tinsab Malta fuq talba tal-Gvern biex tanalizza l-istrutturi legali u istituzzjonali ta’ Malta. Għal dan il-għan f’dawn il-jumejn il-Kummissjoni Venezja se tiltaqa’ ma’ diversi awtoritajiet Maltin, istituzzjonijiet u s-soċjetà ċivili.

F’laqgħa mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, il-Kummissjoni Venezja qalet li hija ma tidholx każijiet individwali imma tiffoka fuq kif is-sistema tista’ titjieb.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni, Herdis Thorgeirsdóttir qalet li l-Kummissjoni Venezja tagħti pariri b’mod oġġettiv u għandha lista ta’ kriterji biex fuqhom teżamina l-istrutturi demokratiċi. Hija tkellmet dwar il-ħtieġa li jkun hemm oppożizzjoni f’pajjiż demokratiku, waqt li saħqet fuq it-trasparenza u l-governanza tajba.

Wara il-laqgħa, id-Deputat Prim Ministru Fearne fisser il-laqgħa bħala waħda kordjali li matulha spjegaw il-proċedura tal-ħatra tal-ġudikanti, il-mod kif taħdem is-sistema tal-ġudikatura u l-Parlament.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal “riedu spjegazzjoni forsi fuq xi kritika li kienu qraw fil-gazzetti jew jisimgħu mingħand sorsi oħrajn. Spjegajnielhom il-mod kif jaħdem il-Parlament anke kif jaħdmu l-Ministru fil-Parlament. Spjegajnielhom ukoll il-mod kif id-demokrazija f’pajjiżna żviluppat matul is-snin u anke kienu mistoqsijiet fuq jekk għandux ikollna membri parlamentari full-time jew le pereżempju huma affarijiet li ddiskutejna.”

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici qal li l-Gvern lest jisma’ u jieħu opinjonijiet kif jista’ jtejjeb anke b’riformi biex is-setturi tal-ġustizzja, is-saltna ta’ dritt u d-demokrazija jkomplu jissaħħu.