Lokali
Taħriġ fis-settur marittimu għal studenti Maltin

Żewġ istituzzjonijiet – l-MCAST u l-Maritime MT – iffirmaw ftehim fil-prinċipju bil-għan li jħajru aktar studenti Maltin jistudjaw u jitħarrġu f’diversi oqsma fis-settur marittimu.

Il-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur James Calleja, qal li l-għan hu li l-kulleġġ jesponi lill-istudenti preżenti u dawk prospettivi għall-opportunitajiet kbar ta’ mpjiegi fis-settur marittimu mhux biss fuq il-baħar imma wkoll fuq l-art. Qal li l-prospetti fl-impjiegi ta’ kwalità, speċjalment fil-qasam tas-Super Yachts huma kbar.

Tal-istess fehma, iċ-Chairman tal-Maritime MT, il-Kaptan Jesmond Mifsud li qal li minkejja li l-gżejjer Maltin huma mimlija Super Yachts, ma tarax Maltin jaħdmu fuqhom u huma jixtiequ li jħarrġu aktar studenti Maltin biex jibdew jaħdmu huma f’dan is-suq ġdid li jrendi ħafna flus.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, li faħħret il-kisbiet li għamel il-pajjiż fil-qasam marittimu filwaqt li wegħdet impenn għal aktar investiment fil-ħiliet umani f’dan il-qasam.

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li ġimgħa ilu saret l-ewwel gradwazzjoni minn Maritime MT ta’ 15-il student u studenta, li nofshom kienu Maltin.