Taħseb li l-poplu Malti għejja bil-pandemija?

Ftit tal-ġranet oħra taħbat is-sena minn mindu feġġ l-ewwel każ ta’ Covid-19 f’pajjiżna. Iżda in-nies draw jgħixu bir-restrizzjonijiet? Jew issa għajjew, u qabdu jillaxkaw?

Affaċċjata b’dawn id-domandi fuq il-programm TVAM, Dr Paulanne Grech, spjegat kif l-għejja mill-pandemija, hija xi ħaġa normali li anke qed timmanifesta ruħha f’pajjiżna. L-għejja mill-pandemija f’pajjiżna, fi kliem Dr Grech, tasal mill-fatt li minkejja ma kellniex lockdown totali, iddaħħlu għadd ta’ miżuri bħaż-żamma tad-distanza soċjali, l-ilbies tal-maskri, u l-għeluq ta’ għadd ta’ stabbilimenti fost oħrajn, li issa wara sena qed iħallu effett negattiv fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-persuni.

Qalet li dawn il-miżuri issa indraw, tant li issa saru bħallikieku parti miċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kuljum tagħna u li kulħadd addatta. Madanakollu żiedet tgħid li minkejja li n-nies addattaw, ma jfissirx li huma kuntenti u mingħajr għejja.

Dr Grech qalet li issa li wasalna biex nagħlqu sena mindu kellna l-ewwel każ uffiċjali f’pajjiżna, din l-għejja qed timmanifesta iktar ruħha anke għall-fatt li ftit huma n-nies li għadhom ‘interessati’ fil-pandemija. Fakkret kif fil-bidu tal-pandemija kulħadd kien jagħmel ħafna riċerka u jsegwi l-aħbarijiet biex dejjem isir jaf aktar dwar x’għandu jagħmel u biex isegwi r-restrizzjonijiet li kienu qed jiġu introdotti.

Mistoqsija kif nistgħu negħlbu din l-għejja mill-pandemija, Dr Grech qalet li l-ewwelnett hemm bżonn jiġu studjati liema huma l-gruppi l-aktar li qed jiġu affettwati b’din l-għejja mill-pandemija. Żiedet tgħid li hemm bżonn li jiġu offruti inċentivi bħalma fi kliemha għamel il-Gvern Malti fl-aħħar xhur meta qassam il-wage suppliment, u li hemm bżonn li jerġa’ jiddaħħal l-element ta’ komunità fejn kulħadd kien jara li jagħmel attivitajiet flimkien iżda mill-bogħod.