NGOs
“Tajthom siġra u l-frott jaqtugħ huma” – Paul Gauci dwar l-għotja ta’ €7 miljun

Imprenditur ewlieni ta b’kemm jiswew €7 miljun f’ishma tal-kumpanija lil numru ta’ għaqdiet filantropiċi.

Paul Gauci, li għandu l-maġġoranza tal-ishma tal-grupp kummerċjali PG, għamel id-donazzjoni lill-ħames għaqdiet filantropiċi, bit-tir li minn dan l-investiment ikomplu jgawdu d-dividend fuq bażi regolari.

Meqjusa bħala l-akbar donazzjoni li qatt saret fl-aħħar snin, il-ġest tas-Sur Gauci din il-ġimgħa kien fuq fomm kulħadd. Imdawwar bil-familja tiegħu, Paul Gauci tenna kliem missieru, li l-karità qatt ma faqqret nies.

Is-Sur Gauci, huwa s-sid ta’ 75 fil-mija tal-ishma tal-grupp kummerċjali PG, li għandu negozju f’diversi oqsma u huwa kkwotata fil-borża ta’ Malta. Spjega ma’ TVM li ċeda 5 fil-mija tal-ishma tiegħu lil seba’ għaqdiet filantropiċi. Madankollu is-€7 miljun mhumiex flus kontanti, iżda investiment li ser jibqa’ jrendi lill-għaqdiet benefiċċjarji, li huma l-Malta Trust Foundation, Puttinu Cares, Dar Bjorn, id-Djar tal-Ursolini, l-Fonazzjoni Sebħ, il-Caritas u d-Dar tal-Providenza.

“Meta inti lilhom tkun qed iddaħħalhom share holders dejjem inġib l-eżempju – tajthom siġra, għax is-siġra ser tkun tagħhom issa, u l-frott jaqtgħuh huma kull sitt xhur. Meta inti tajthom il-flus darba, jonfquhom u waqfet. Il-biċċa xogħol li daħħalnihom share holders, dawn issa ser jibqgħu għal dejjem,” qal is-Sur Gauci.

Is-Sur Gauci kompla jispjega li s-seba’ għaqdiet ser ikollhom mhux biss introjtu f’idejhom kull sitt xhur, iżda investiment li jkompli jikber pass pass ma’ kemm il-kumpaniji jmorru tajjeb.

“Il-kumpanija meta tagħmel il-profitti fl-aħħar tas-sena, nofs il-profitti nqassmuhom lix-share holders u nofs il-profitti jibqgħu fil-kumpanija, biex il-kumpanija dejjem tibqa’ tikber, jiġifieri anke x-share price tagħhom, jekk ix-share price qiegħed bil-1.85, jekk dan jibqa’ tielgħa huma ser jibqgħu jibbenefikaw mix-share price ukoll.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp PG, Charles Borg, qal li l-obbligu prinċipali tal-għaqdiet huwa li jużaw il-flus għall-ħidma tagħhom, waqt li saret kundizzjoni biex l-ishma ma jinbigħux jekk mhux bil-permess tal-familja Gauci.

“Qed norbtu din id-donazzjoni mal-Corporate Social Responsibility programme tal-kumpanija, għax inħossu l-obbligu u d-dmir li nikkontribwixxu parti milli naqilgħu lis-soċjetà,” qal is-Sur Borg.

Fil-preżentazzjoni tad-donazzjoni, iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li l-ġeneroriżità tal-familja Gauci qed tgħin, fost oħrajn, biex tfal u żgħażagħ vulnerabbli jkollhom ħajja aħjar.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

Songcraft, proġett li jifforma parti mill-programm ta’ Spazju Kreattiv b’kollaborazzjoni ma’ Aġenżija Żgħażagħ reġa’ lura wara l-proġett pilota fl-2019 fejn ta opportunità lil kantawturi promettenti ta’ bejn is-16 u l-20 sena. Il-kantawturi magħżula…

Qorti

Issoktat l-inkjesta pubblika fil-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia li qed tistħarreġ jekk il-Gvern setgħax jieħu miżuri biex jevita dan il-qtil. Fis-seduta tal-lum mistenni jixhed Neville Gafa. L-ewwel biex jitla’ fuq…

Qorti

Priġunier li qed iservi għomru l-ħabs, u li dabbar 7 snin oħra ħabsa talli fera gravi priġunier ieħor, se jara l-każ tiegħu dwar dan il-feriment jerġa’ jinstema mill-ġdid. Il-każ seħħ…

Aktar