Lokali
Taljan iweġġa’ wara ħabta bil-mutur ma’ karozza tal-Pulizija

Taljan ta’ 59 sena li jgħix il-Mellieħa kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Ħal Qormi.

L-inċident seħħ matul dan il-lejl, għall-ħabta tal-kwarta, fi Triq San Edwardu bejn vettura tal-Pulizija tal-għamla Peugeot 308 u l-mutur tal-għamla Honda CRF250RLA misjuq mit-Taljan.

Is-surġent u l-kuntistabbli li kienu fil-vettura tas-servizz taw l-ewwel għajnuna lix-xufier tal-mutur u minnufih sejħu għall-assistenza medika.

Tim mediku mar fuq il-post tal-inċident u permezz t’ambulanza, it-Taljan ittieħed l-isptar fejn instab li kien qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.