Annimali
Tallega li tefawlu l-petrol u ħarquh ħaj – il-pulizija tinvestiga

Tommy, qattus li kien deskritt bħala ħabbrieki u ferrieħi, allegatament spiċċa maħruq ħaj f’Bormla.

Persuna li tkellmet ma’ tvm.com.mt spjegat li xi persuna jew persuni mhux magħrufa allegatament qatlu lil Tommy b’mod krudili għall-aħħar. Dan wara li tefawlu l-petrol u qabduh ħaj.

Il-qattus, li dlonk kien jifraħ b’kull min jara għamel jumejn ma jidhirx. B’xorti ħażina huwa nstab maħruq f’żona qalb is-siġar tal-palm.

Spjegat li meta marru l-Pulizija fuq il-post ġie identifikat li n-nar beda minn taħt il-vann wara li l-qattus twaddabblu l-petrol. Jidher li Tommy ġera lejn is-siġar, fejn instabu l-fdalijiet tal-qattus.

Il-Pulizija qed tinvestiga dan il-każ ta’ moħqrija ta’ annimali. Madankollu skont l-istess sorsi, mhux se tkun daqshekk faċli li l-Pulizija tidentifika lill-moħħ wara dan l-att krudili għall-fatt li fiż-żona ma jidhirx li hemm kameras tas-sigurtà.