Barranin
Tama kbira għall-pazjenti li jbatu mill-mard fid-demm

Ix-xjenza medika din is-sena għamlet passi ta’ ġgant fejn jidħol il-fejqan tal-mard li għandu x’jaqsam mad-demm.

Id-difett fil-ġenetika li jikkawża l-marda deġenerattiva Huntington’s illum il-ġurnata qed tiġi mfejqa. Din issejħet bħala l-akbar skoperta fil-mard newrodeġenerattiv f’dawn l-aħħar 50 sena.

It-terapija taħdem billi twaqqaf il-ġeni difettużi milli jkomplu jiddeġeneraw u jiggravaw il-kundizzjoni tal-pazjent.

Sar ukoll avvanz drastiku fejn tidħol il-kura għall-marda tad-demm haemophilia A. Pazjenti li jsofru minn din il-kundizzjoni ma jkunux jistgħu jfiequ meta jkorru l-għaliex ġisimhom ma jipproduċix proteina partikolari fid-demm li tfejjaq il-feriti – kawża t’hekk jiżvinaw.

13-il pazjent li jsofru minn din il-marda  ngħataw terapija partikolari f’Barts Health NHS Trust. 11 minnhom illum il-ġurnata qed jipproduċu din il-proteina waħedhom.

Sar ukoll avvanz fil-kura tal-marda sickle cell fejn ix-xjentisti rnexxilhom ireġġgħu lura l-marda bis-saħħa ta’ trattament fejn ibiddlu d-DNA tal-pazjent.

Tifel li kien ibati minn din il-kundizzjoni u li beda jieħu dan it-trattament illum-il ġurnata ilu 15-il xahar mingħaj ma sab il-bżonn jerġa’ jieħu trattament.

U fix-xena tad-dijabete type 2, instabet soluzzjoni wkoll. Il-pazjenti li jbatu minn din il-kundizzjoni u ntefgħu b’ruħhom u ġisimhom fuq dieta bi ftit kaloriji u naqqsu l-piż b’mod konsiderevoli fiequ mill-marda.

Qed tissemma wkoll it-teknoloġija ġdida Crispr li ssir fuq l-embrijuni, fejn ix-xjenzati rnexxielhom jeliminaw il-ġeni difettużi u ereditarji li jikkawżaw il-mard tal-qalb fil-familji.