Barranin
Tama li l-ewwel laqgħa bejn Biden u Putin tikkalma t-tensjoni

Qed isiru l-aħħar tħejjijiet għas-summit ferm antiċipat ta’ għada bejn il-President Russu Vladimir Putin u l-President Amerikan Joe Biden f’Ġinevra, l-Iżvizzera. Din se tkun l-ewwel laqgħa wiċċ imb wiċċ minn meta Biden sar President.

Il-President Russu kkritika l-mod kif qed issir pressjoni biex ir-Russja tidistakka ruħha minn Beijing u qal li ċ-Ċina hija sieħba strateġika għar-Russja u mhux theddida. Waqt intervista li xxandret fuq l-istazzjon Amerikan NBC, huwa qal li hemm livelli sodisfaċenti ta’ fiduċja u koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat.

Qal li ċ-Ċina qed tiżviluppa programmi ta’ kummerċ li huma ta’ benefiċċju għall-ekonomija Russa u l-kummerċ dinji, u ż-żewġ naħat qed jinvestigaw kif fost l-oħrajn se jkun hemm esplorazzjoni tal-ispazju.

Waqt summit fi Brussell, madankollu, il-mexxejja tan-NATO wissew li l-aġir taċ-Ċina qed isir sfida sistematika u titqies bħala theddida militari minħabba li qed tikkopera b’mod sfaċċat mar-Russi biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha.

Analisti jittamaw li s-summit bejn Biden u Putin se jikkalma t-tensjonijiet li qed jitqiesu fost l-agħar mill-gwerra l-Bierda.

Ritratt: Biden u Putin fl-2011 (AP)