Stejjer Umani
“Tani kuraġġ nerġa’ nogħdos wara li tlift parti minn sieqi”

Tnax-il sena wara li f’inċident fil-baħar tilef parti minn riġlu, Louis Bonavia sab il-kuraġġ li jerġa’ jogħdos bl-appoġġ ta’ sieħbu Raniero Borg.

Kien Mejju tal-2009 meta waqt li kien qed jogħdos fil-bajja tar-Ramla f’Għawdex Bonavia ntlaqat minn skrun ta’ dgħajsa u spiċċa tilef parti minn riġlu.

Dakinhar kellu jittella’ b’ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta biex ittieħed l-isptar għall-kura, inċident li għaddieh minn trawma kbira u biddillu ħajtu ta’ taħt fuq.

Ma’ TVM Louis spjega kif f’għeluq l-64 sena tiegħu, 12-il sena wara l-inċident, bil-kuraġġ ta’ sieħbu Raniero Borg niżel jgħodds biċ-ċilindri kif kien jagħmel fil-passat.

Il-ħwejjeġ għall-għadds ġew modifikati apposta biex waqt l-għadds Louis ma jbatix minħabba li għandu sieq prostetika.

Il-ħbiberija bejn Raniero u Louis tmur lura 30 sena u flimkien kienu niżżlu l-istatwa ta’ Kristu f’qiegħ il-baħar fl-1990 meta l-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni kien żar Malta.

Louis jgħid li dak li ġara fil-passat mhux se jħallih ibeżżgħu mill-baħar imma jappella għal iktar attenzjoni għal min jagħmel dan l-isport.

Huwa qalilna wkoll li waqt li fuq l-art jibża’ ħafna li jaqa’ minħabba s-sieq prostetika fil-baħar din il-biża’ tispiċċa jidħol f’dinja oħra ħielsa minn kull uġiegħ.