Attività
“Tant ilna nistennew qisna qed nibdew xi ħaġa mill-bidu” – sena mindu postijiet tad-divertiment bdew jiftħu għan-nies bil-wieqfa

Stennija fost l-organizzaturi tal-avvenimenti hekk kif mill-bieraħ setgħu mill-ġdid jattendu attivitajiet b’udjenza bilwieqfa.

Lejlet festa pubblika żorna stabbiliment tad-divertiment li ftit tas-sigħat oħra se jkun qed jilqa’ udjenza mlaqqma għatxana biex tissoċjalizza u tiddeverti.

Lejlet festa pubblika, fix-xhur tas-Sajf, hija dejjem opportunità tad-deheb għall-organizzaturi tal-attivitajiet tad-divertiment. Speċjalment meta tersaq viċin il-ġranet tal-bidu tal-ġimgħa.

Iżda għal dawk li se jorganizzaw xi attivitajiet illejla, il-mument huwa ferm akbar … għalihom il-mument li ilhom jistennew issa wasal.

Dan hekk kif mill-bieraħ, wara kważi sena, mill-ġdid setgħu jibdew jittellgħu avvenimenti fuq barra b’100 persuna bilwieqfa.

Kmieni waranofsinhar żorna sit ta’ divertiment li llejla mistenni jilqa’ mill-ġdid udjenzi bilwieqfa bid-Direttur Maniġerjali ta’ dan l-villaġġ tad-divertiment f’Malta, Matthew Degiorgio, jistqarr li wara tant xhur ta’ stennija dan huwa mument inspjegabbli.

“Tant ilna nistennew qisna qed nibdew xi ħaġa kompletament mill-bidu …. anke l-ħaddiema eċitati ħafna … eċitati għaliex se jmorru lura għax-xogħol li jħobbu tant u tant ilhom sena, sena u nofs jistennew għal dan il-mument li n-nies ikunu standing … it’s time for us to entertain the people again”.

Dawk kollha li se jattendu avvenimenti ta’ dan it-tip llejla jridu jippreżentaw iċ-ċertifika tat-tilqima.

Intant mit-Tnejn li ġej se jkun permess li jinġabru 100 persuna f’attività bilwieqfa fuq ġewwa.

F’każ ta’ attività bilqiegħda, u li għalihom jattendu sa 100 persuna, id-distanza bejn bubble u oħra se tonqos minn żewġ metri għal metru.

Jekk ir-rata tat-trażmissjoni lokali tibqa li hi, lejn l-aħħar ta’ Settembru se jittellgħu attivitajiet għall-ġemgħa ikbar ta’ nies imlaqqma b’inqas restrizzjonijiet.

Min jattendi għal dawn l-attivitajiet bi prova, wara se jkun obbligat jagħmel PCR test biex jiġi stabbilit jekk dik l-attività hix sigura jew le.

Dawn l-attivitajiet se jippermettu biex l-awtoritajiet tas-saħħa jistabbilixxu jekk ikunux jistgħu jittellgħu attivitajiet vijabbli u siguri għall-Milied u l-Ewwel tas-Sena.