Lokali
Tappella biex mediċini għal pazjenti bħalha, tal-kanċer li ma jitfejjaqx, jidħlu fil-formularju tal-Gvern

Kull xahar Dr Lara Said trid tapplika għand il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund biex tingħata mediċina li tgħinha tikkontrolla t-tip ta’ kanċer li għandha. Ma’ TVM, Dr Said appellat biex din il-mediċina – Daratumumab – tidħol fil-formularju tal-Gvern għax tħoss li b’hekk ikollha aktar konsistenza u stabilità fil-kura tagħha. Qed tissuġġerixxi li t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar liema mediċini jingħataw b’xejn tkun ibbażata fuq il-pariri tal-esperti fil-qasam tas-saħħa.

Għal Lara Said ta’ 52 sena, li għandha multiple myeloma, tip ta’ kanċer li ma jitfejjaqx imma jista’ jiġi kkontrollat, il-mediċina Daratumumab hija l-unika għażla li għandha biex tgħix aktar fit-tul.

“Bħalissa dik l-uniku option li għandi.”

Dr Said, lettur fl-università ta’ Malta, qalet lil Television Malta li l-kura tagħha tinvolvi l-Pomalidomide, id-Dexamethasone u d-Daratumumab, bl-ewwel tnejn jingħataw b’xejn mill-gvern għax jinsabu fuq il-formularju, waqt li d-Daratumumab, le. Stqarret li b’dan il-mod, kull darba qed ikollha tħabbat il-bieb tal-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund biex tingħata din il-mediċina b’xejn, li tiswa eluf ta’ ewro. Hija spjegat, li skont ir-regolamenti tal-Fondazzjoni, ta’ kull xahar hija u t-tobba tagħha jridu japplikaw għall-fondi.

“Id-Daratumumab hija vera għolja hija €633 kull vial u l-aħħar li kelli bżonn kienu 13 u kienu xi 8,200 u kelli bżonn 1,200mg u d-drabi li ġejjin jien ħa napplika għal 1,500mg nagħmlu daqsxejn is-somom. Iva, qed nitlob li Daratumumab jibda’ jħallasha l-Gvern bħala parti mill-formularju.”

Dr Said qed titlob biex d-Daratumumab u mediċini oħrajn simili u importanti fil-kura tal-kanċer jiddaħħlu fil-formularju tal-Gvern, bħalma qalet li diġà jseħħ f’diversi pajjiżi Ewropej.

Ix-xjenza titkellem. U Spanja li kellhom problemi ekonomiċi m’ilux, Spanja għamluha, l-Italja jagħmluha, Franza hemm sistema parti minnha b’xejn u parti minnha privatizzata, il-Ġermanja wkoll, imma jagħmluha.

Żiedet tgħid li b’dan il-mod ikun hemm aktar konsistenza u stabilità fil-kura tagħha. Fi kliemha kif inhuma l-affarijiet bħalissa, is-sitwazzjoni mhix sostenibbli u qed iżżid l-ansjetà fost il-pazjenti. Dr Said argumentat li l-lista tal-mediċini li jingħataw mill-Gvern tista’ tinħadem b’mod differenti.

”Tidħol ġo cost effetctive model jgħidulu, li inti iktar ma jkollok pazjent ikkurat u dejjem qed jieħu mediċina skont il-bżonnijiet tiegħu għax għadhom bżonnhom inti ħa tnaqqas ħafna minn affarijiet oħra – minn affarijiet minn hospital stays, li inti għandek ċans tgħix aħjar, li taħdem aktar, li tikkontribwixxi aktar għat-taxxi, jiġifieri ma nkunux daqshekk sempliċi u ngħidu mela din tiswielna 8,000/10,000 kull darba għax għal dawk il-flus inti ħa tieħu benefiċċju ħafna aktar wiesgħa li jkun sostenibbli.”

Appellat biex din il-bidla ssir skont il-pariri tal-esperti fil-qasam tas-saħħa u tal-pazjenti.