Lokali
Tappella lill-awtoritajiet biex persuni b’mard rari u dawk li jieħdu ħsiebhom ifittxu jieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19

L-Alleanza Nazzjonali għall-Appoġġ għall-Mard Rari qalet li se tibqa’ tkun il-vuċi ta’ dawk in-nies li b’mod individwali jistgħu jkunu minoranza iżda flimkien fid-diversità jagħmlu forza kbira. Il-President tal-Alleanza Michelle Muscat, tenniet l-appell lill-awtoritajiet tas-saħħa biex persuni b’mard rari u dawk li jieħdu ħsiebhom ifittxu jieħdu t-tilqima kontra l-coronavirus.

Fil-Jum Internazzjonali tal-Mard Rari, l-Alleanza Nazzjonali għall-Appoġġ għall-Mard Rari, fakkret b’mod simboliku dan il-jum f’post fejn normalment jilgħabu u jinġabru t-tfal. Il-President tal-Alleanza Michelle Muscat qal li l-għaqda qed tqajjem kuxjenza dwar il-pazjenti li għandhom mard rari u minħabba l-Covid qed jispiċċaw f’iżolament.

”Playground fl-open air ħafna drabi nassoċjawh ma’ familji li jiġu jieħdu pjaċir, it-tfal jilgħabu, ikunu carefree. Aħna l-membri tagħna mhux dejjem jistgħu jagħmlu hekk speċjalment f’din is-sena. Il-membri tagħna ħafna drabi anke l-fatt li tkun ġo playing field mhux safe għalihom allura qegħdin hawnhekk biex nuru li it’s not an equal playing field for all, u għalhekk aħna nibqgħu nsostnu u nibqgħu nkunu l-vuċi ta’ dawn in-nies sabiex il-ħajja tagħhom tkun waħda aħjar.”

Is-Sinjura Muscat tenniet l-importanza tal-għarfien fuq il-mard rari fost il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, dawk li jfasslu l-politika tal-pajjiż u s-soċjeta’ inġenerali. Waqt li irrikononxxiet il-pjan tal-Gvern dwar it-tilqima kontra l-coronavirus, ħeġġet lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jikkunsidraw lill-pazjenti tal-mard rari mal-gruppi tal-vulnerabbli li qed jingħataw it-tilqima minnufih hekk kif s’issa ftit biss minnhom irċevew l-istedina għall-vaċċin.

F’dan il-jum, l-Alleanza onorat lil Dr Chris Barbara, il-Professur Anthony Serracino Inglott, Dr William Buttigieg u s-sinjura Josette Azzopardi għall-ħidma siewja u l-appoġġ li taw lil din l-għaqda mindu twaqqfet sitt snin ilu.