Lokali
Tappella persuni LGBTIQ ma jersqux lejn bar f’Paceville wara allegat abbuż fuq koppja gay

Il-Malta Gay Rights l-Movement qed jappella lill-komunità gay f’Malta biex ma jersqux lejn bar f’Paceville, wara allegat abbuż li seħħ fuq koppja gay.

L-MGRM kienet qed tirreaġixxi għal post fuq il-midja soċjali minn Celine Balzan Gera li rrakkontat kif hi u t-tfajla tagħha spiċċaw abbużati f’dan il-bar wara li wieħed mill-bouncers rahom jagħtu bewsa lil xulxin.

It-tfajla rrakkontat li malli waslu f’dan il-bar intalbu jpoġġu bilqiegħda minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Qalet li wieħed mill-bouncers mar għal fuqhom u pprova jitfagħhom ’il barra wara li rahom jagħtu bewsa lil xulxin.

“Peress li ma konniex ċerti għaliex riedu jitfgħulna ’l barra, bdejna nirreżistu u staqsejna r-raġuni li għaliha l-bouncer tefagħna t-tnejn mal-art, beda jagħtina bis-sieq u żammna mal-art,” qalet it-tfajla waqt li ppubblikat ritratt tal-bouncer involut.

Hija qalet li tinsab iddisgustata bil-mod li bih ġew trattati. Qalet li ġieli żaret dan il-post u qatt f’ħajjitha ma għexet esperjenza omofobika u abbużiva bħal din waqt li talbet lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni.

B’reazjoni l-MGRM qalet li fi studju li kienet għamlet, dan il-bar kienet wieħed mill-aktar postijiet li jissemma’ dwar sigurtà minn persuni LGBTIQ f’Paceville. Qalet li f’dan l-istadju qed tagħti l-parir lill-persuni LGBTIQ biex ma jmorrux f’dan il-post sakemm tittieħed azzjoni li tiggarantixxi s-sigurtà tagħhom.

Hija ħeġġet ukoll persuni LGBTIQ biex jagħmlu kuntatt magħha f’każ li sfaw vittmi ta’ abbuż u qalet li toffri servizzi legali bla ħlas li jistgħu jgħinu lill-individwu jmexxi l-każ tiegħu/tagħha quddiem il-pulizija.