Taqbel ma’ servizzi sesswali għall-persuni b’diżabilità?

Fl-Okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Persuni B’diżabilità, ‘Popolin’ iddiskuta l-persuni b’diżabilità fiżika, intellettwali u mentali, u s-sitwazzjonijiet varji li jiffaċċjaw. Suġġett li ħafna drabi jitqiegħed taħt it-tapit u jiġi mwarrab huwa l-bżonn sesswali tal-persuni b’diżabilità. Tkellimna ma’ Dr. Claire Azzopardi Lane, li temmen li dan is-suġġett qiegħed jingħata l-ġenb għaliex bħala soċjetà għadna m’aħniex komdi nitkellmu fuq is-sesswalità inġenerali.

Il-Preżentatur staqsa x’inhi r-raġuni għaliex qed tinħoloq sitwazzjoni fejn persuni b’diżabilità speċjalment dawk b’diżabilità intellettwali qed isibu diffikultà biex jesprimu l-ġibdiet sesswali tagħhom. Dr. Azzopardi Lane spjegat li l-oriġini ta’ din il-problema ġejja mill-fatt li hemm nuqqas ta’ possibiltajiet fejn persuni b’diżabilità jista’ jkollhom esperjenzi jiltaqgħu ma’ nies ġodda. Bl-introduzzjoni ta’ iktar postijiet ta’ dan it-tip, ikunu qegħdin jinħolqu opportunitajiet biex isiru ħbiberiji ġodda li jistgħu jwasslu għal relazzjonijiet iktar profondi. Għalhekk dan in-nuqqas qed iwassal biex dawn il-persuni jesprimu atteġġjament sesswali fl-ambjent li mdorrijin fih li ħafna mid-drabi jkun id-dar mal-membri tal-familja.

Barra minn Malta, jeżistu wkoll servizzi li jassistu lil persuni b’diżabilità fil-bżonnijiet intimi tagħhom. Dawn is-servizzi huma offruti minn kliniċi professjonali fejn fost numru kbir ta’ trattamenti, hemm offrut ukoll servizz li jindirizza l-bżonnijiet sesswali tal-persuni b’diżabilità. Dan is-servizz iġib miegħu diskussjoni sħiħa, għaliex hemm min jarah bħala forma ta’ prostituzzjoni. Minn naħa l-oħra esperjenzi reali li ġraw barra minn pajjiżna jixhdu li dan is-servizz huwa ta’ benefiċċju għal persuni b’diżabilità għaliex jgħinhom ikunu iktar kunfidenti magħhom infushom.

Il-Preżentatur staqsa jekk hux il-każ li bħala pajjiż nibdew nesploraw il-possibilità li nintroduċu dawn is-servizzi. B’referenza għal dan Dr. Azzopardi Lane, spjegat li fl-opinjoni tagħha primarjament għandna nnaqqsu s-segregazzjoni u noħolqu l-istess opportunitajiet li għandhom persuni li m’għandhomx diżabilità, biex b’hekk ikunu qegħdin jiġu kreati sitwazzjonijiet komuni fejn dawn il-persuni jistgħu jagħmlu konoxxenza ma’ nies ġodda kif tagħmel kull persuna u kull adolexxent ieħor. Hija tenniet li jekk nikreaw servizzi sesswali nkunu qegħdin ngħidu, b’mod indirett li l-persuni b’diżabilità mhumiex kapaċi jkollhom relazzjonijiet ma’ persuni oħrajn.