Lokali
Taqta’ mix-xogħol fil-ħin liberu tiegħek?

Pass eqreb lejn direttiva ġdida Ewropea biex il-ħaddiema jingħataw id-dritt li jaqtgħu mix-xogħol meta jkunu fil-ħin liberu tagħhom.

Dan hekk kif ir-rapport tal-Ewroparlamentari Malti Alex Agius Saliba dwar din il-kwistjoni għadda mill-Parlament Ewropew b’472 favur, 126 vot kontra u 83 astensjoni.

F’kummenti ma’ TVM, Dr Agius Saliba wera x-xewqa li Malta tkun pijuniera f’dan il-qasam.

Il-Parlament Ewropew ta spinta biex il-ħaddiema Ewropej inkluż dawk Maltin ikollhom id-dritt li fost oħrajn ma jwiġbux telefonati jew emails wara l-ħin tax-xogħol jew meta jkunu frank mingħajr ma jkunu kkumpensati.

F’kummenti lil Television Malta, il-Membru Parlamentari Ewropew, Alex Agius Saliba, iddeskriva dan il-mument bħala revoluzzjonarju fosthom għax se jagħti nifs lill-ħaddiema.

”Jien kburi li rnexxielna niksbu appoġġ qawwi ħafna fuq bażi Ewropea sabiex kull ħaddiem Ewropew waqt iż-żminijiet ta’ sfida li qegħdin niffaċċjaw imma anke wara, ma nagħtuhx daharna, ma nittrattawhx daqslikieku kien robot jew magna imma nittrattawh bħala persuna u individwu li għandu dinjità.”

Din il-liġi issa qiegħda f’ħoġor il-Kummissjoni Ewropea li trid tiskatta proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati fosthom mal-għaqdiet ta’ min iħaddem fuq bażi Ewropea. Is-Sur Agius Saliba wera x-xewqa li Malta, bħall-Irlanda, tkun pijuniera f’dan il-qasam.

Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jgawdu qabel ma jispiċċa l-proċess tal-bażi leġiżlattiv Ewropew u bħala pajjiż, bħala Malta, inkunu pijuniera fejn jidħol l-implimentazzjoni tar-Right to Disconnect. Dik hi l-ambizzjoni tiegħi. Dik hi x-xewqa tiegħi. Li pajjiżna jkun eżempju għal stati membri oħra u ma noqogħdux nistennew lill-Unjoni Ewropea sabiex tilleġiżla.

Il-liġijiet Ewropej tax-xogħol jesiġu fost oħrajn li kwalunkwe ħaddiem ma jistax jaħdem iktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa.