“Tara ċertu nies iħarsu lejk qisu jkollok bomba f’idejk”

F’studju li jsir minn sena għal oħra diversi Maltin jgħidu li jippreferu jaqraw xi portal jew ktieb minn fuq ‘tablet’ jew apparat elettroniku ieħor minflok il-ktieb. Is-soċjetà ta’ llum kemm hi konxja mill-benefiċċji tal-qari? Il-ktieb kemm għadu relevanti llum il-ġurnata? Waqt il-programm ‘Popolin’ ġie diskuss il-litteriżmu, il-qari u l-kitba f’Malta.

Gordon Pisani, pubblikatur spjega li l-ktieb kien dejjem kapaċi jimxi id f’id mal-innovazzjoni tal-mument. Għalkemm illum il-ġurnata l-innovazzjoni dejjem tiżdied, għandha tiġi użata sabiex il-ktieb jiġġedded tul iż-żmien biex ikun kapaċi jgħix spalla ma spalla mat-teknoloġija tal-preżent. Mingħajr ebda dubju l-isfidi li jeżistu għal dan is-settur huma sostanzjali biss kull settur jiltaqa’ mal-isfidi tiegħu.

Leanne Ellul, għalliema u kittieba tenniet li hemm bżonn li l-preżenza tal-ktieb tinħass iktar. “Nibqa’ nemmen li l-eżempju jkaxkar” qalet Ellul waqt li enfasizzat l-importanza li t-tfal jaraw il-ġenituri tagħhom jaqraw.

Matthew Borġ mill-Festival tal-Ktieb spjega li ħafna persuni, speċjalment iż-żgħażagħ sfortunatament jemmnu li persuna li tħobb taqra hija ‘nerd’ jew mhux ‘cool’. “Jien inħobb nagħmilha ħafna li noqgħod naqra f’xi pjazza, ta’ Ħaż-Żebbuġ eżempju, tara ċertu nies iħarsu lejk qisu jkollok bomba f’idejk u mhux ktieb” tenna Borġ. Żied jgħid li l-ktieb diġitali magħruf aħjar bħala e-book mhuwiex l-avversarju tal-ktieb tradizzjonali.

F’Malta jiġu ppublikati medja ta’ tliet kotba kuljum.