Tarbija ta’ ftit jiem tinstab f’sistema tad-drenaġġ f’Sydney

Ciklisti li kmieni dalgħodu kienu qegħdin jaqdfu r-rota f’highway ewlenija f’Sydney ħadu x-xokk ta’ ħajjithom meta semgħu krib ta’ tarbija ħiereġ minn sistema ta’ drenaġġ. It-tarbija, tifel ta’ ftit jiem instab żewġ metri u nofs taħt l-art. It-tifel instab fi gverta rrigata li x’aktar jitgeżwru fiha t-trabi fl-isptarijiet wara li jkunu għadhom kif twieldu.

Wara stħarriġ intensiv li sar bieb bieb mill-pulizija f’Quakers Hill, ġiet identifikata omm it-tarbija li għandha madwar 20 sena. L-omm li qed tgħinhom fl-investigazzjonijiet mistennija tiġi akkużati b’attentat ta’ qtil.

“Kien xokkanti tara lil dik it-tarbija fid-drenaġġ,” qal l-Ispettur tal-Pulizija David Lagats li ma riedx jemmen li t-tarbija kienet għadha ħajja. Huwa qal li t-tifel ma kellu ebda sinjali li seta’ ġarrab xi ġrieħi, iżda kien għadu f’qagħda serja iżda f’kundizzjoni stabbli fl-isptar.

Il-Pulizija qed tissuspetta li xi ħadd tefa’ t-tarbija fid-drenaġġ wara li qala’ t-tappira tad-drenaġġ. Persuni fuq il-post sostnew li t-tarbija ma kellhiex aktar minn siegħa u nofs ħajja minħabba s-sħana li qed tagħmel f’Sydney. “Għall-ewwel ħsibna li kien qattus żgħir u kien biss meta nżilna fid-drenaġġ u tajna titwila sew li stajna nisimgħu eżatt x’kien hemm.”

Mark McAlister, wieħed mill-kuntistabbli tal-pulizija fuq il-post qal li hu u l-kollegi tiegħu għenu biex tittella’ t-tarbija mid-drenaġġ u staqsa kif seta’ qatt xi ħadd jagħmel xi ħaġa bħal dik fil-konfront ta’ tarbija daqshekk ċkejkna.