Lokali
Tbatija kbira minħabba komunità reliġjuża li dwarha l-Kurja ħadet passi

Għandha 19-il sena u ma’ TVM irrakkuntat it-trawma kbira li għaddiet minnha minħabba dak li sejħet estremiżmu fit-twemmin ta’ komunità Nisranija. Amy Attard tirrakkonta kif minħabba hekk qed jitkissru għadd ta’ familji li jmissu ma’ din il-komunità, li ma’ Television Malta stqarrew li l-effetti tat-tbatija li għaddew minnha għadhom jinħassu sal-lum. Mitluba għar-reazzjoni, il-Kurja qalet li b’deċiżjoni tal-Arċisqof ta’ Malta, ebda saċerdot jew reliġjuż ma jista’ jieħu sehem jew jospita fi propjetà tal-knisja lil din il-komunità, bl-Arċidjoċesi Maltija tiddiżassoċja ruħha mill-komunità Ġesù Salvatur.

Amy Attard stqarret ma’ TVM it-trawma li għaddiet minnha minħabba l-komunità Ġesu’ Salvatur li ilha fiha flimkien ma’ familtha sa minn mindu kienet tifla, bil-konsegwenza li llum saret ħsara kbira lilha u anki lill-familja tagħha.

“Ta’ xi sitt snin dħalt mal-ġenituri, u domt kważi sakemm kelli tmintax -il sena, trabbejt magħhom.”

Amy qalet li meta ddeċidiet toħroġ mal-ġuvni li għandha llum il-komunità ħaduha kontriha għax ma kienx membru tal-komunità u saħansitra qalulha li kien se jaqlibhielha fil-futur biex ma tkomplix miegħu.

“Qaluli li l-għarus tiegħi kien se jaqlibhieli meta jien qatt ma rajt dan l-atteġġjament u għadna flimkien illum il-ġurnata.”

Nies oħra stqarrew uġigħ li kkawżatilhom il-komunità fosthom Melita Farrugia meta qarib tagħha li kien membru fil-komunità qalilha li bintha, għax hi omosesswali, ma tistax iddaħħalha ġo darha għax iġġibilha s-seħta, kliem li kisser lilha u anki lil żewġha.

“Jien nistieden lin-nies jaraw il-videos fuq il-facebook page jaqbdek il-biża’, immaġinak inti ma tidħolx fil-linja tagħhom għax gay u jittrattawk hekk.”

TVM staqsa lill-Kurja dwar jekk tafx bl-akkużi li qed isiru fuq din il-komunità bit-tweġiba kienet li b’deċiżjoni tal-Arċisqof ebda saċerdot jew religjuż m’għandu jieħu sehem f’kwalunkwe laqgħa organizzata mill-komunità Ġesù Salvatur u lanqas m’għandha tkun ospitata fi knisja jew f’xi proprjetà tal-Knisja filwaqt li l-Arċidjoċesi ta’ Malta tiddiżassoċja ruħha minn dil-komunità.

TVM għamel ukoll kuntatt mal-komunità Ġesu’ Salvatur, fejn mitluba għar-reazzjoni tagħhom għall-fatt li qed jiġu akkużati li kkawżaw tbatija u anki ħarġet ordni dwarhom mill-Kurja, Clyde Attard f’isem il-komunità qal li dwar dan m’għandhom ebda kummenti x’jgħaddu u li kull diffikultà jiċċarawha mal-Kurja.