COVID-19
Teatru se jżomm lil dawk li ħadu l-vaċċin tal-Astra Zeneca milli jattendu kunċert ta’ Bruce Springsteen

Kunċert li l-kantant Bruce Springsteen għandu jagħti fi New York fi ftit tal-jiem oħra qajjem kontroversja hekk kif mhux se jitħallew jidħlu dawk li ħadu l-vaċċin tal-Astra Zeneca.

Springsteen se jagħti l-kunċert fis-26 ta’ Ġunju li ġej fis-St. James Theater ta’ New York bit-teatru se jħalli lill-ispettaturi jidħlu jekk jippreżentaw ċertifikat li ħadu t-tilqima.

Madankollu, peress li l-vaċċin tal-Astra Zeneca mhux wieħed minn dawk approvati mill-Food and Drug Administration (FDA) tal-Istati Uniti, dawk li ħadu dan il-vaċċin mhux se jitħallew jidħlu.

Ewropej u anke Kanadiżi li kienu interessati li jattendu l-kunċert u ħadu l-vaċċin tal-Astra Zeneca esprimew l-għadab tagħhom għal din id-deċiżjoni.

L-iktar li kkritikawha kienu dawk fil-Kanada tant li minbarra segwaċi tal-kantant anke l-mezzi tax-xandir kkundannaw id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Amerikani.