Qorti
Teħel 30 xahar ħabs u l-konfiska ta’ iktar minn €10,000 fuq pussess u traffikar ta’ droga

Xahrejn mis-sejba ta’ ammont sostanzjali ta’ kokaina u eroina, Charmain Bezzina ta’ 38 sena li kienet residenti Ħal Luqa, instabet ħatja mill-Qorti li kienet fil-pussess aggravat tad-droga li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħha u traffikar ta’ droga.

Filwaqt li ammettiet l-akkużi miġjuba kontrieha, Bezzina weħlet 30 xahar ħabs u multa ta’ €1,500, kif ukoll l-ispejjeż tal-esperti tal-Qorti li jammontaw għal €1,474.58.

Minħabba li kienet riċediva, ġew ikkonfiskati d-depożitu u l-garanzija ta’ €10,800, kif ukoll l-assi tal-akkużata li jikkonsistu f’€1,260 u l-vettura tagħha.  Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke ordnat id-distruzzjoni tad-droga u l-oġġetti marbuti ma’ dan il-każ.

Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn it-23 u l-24 t’Awwissu meta Bezzina ġiet arrestata flimkien ma’ Darren Robert Mercer, Ingliż ta’ 45 sena, li kienu jgħixu fl-istess appartament.  Il-mara kienet ġiet segwita bil-karozza mill-Gżira sa Ħal Għaxaq u meta twaqqfet mill-Pulizija sabu laned bl-eroina u l-kokaina.

Bezzina u Mercer tressqu l-Qorti separatament b’rabta ma’ din is-sejba ta’ droga mill-Pulizija, filwaqt li dwar l-istess sejba l-Pulizija kellha tressaq żewġ żgħażagħ Bormliżi u tixlihom bil-pussess ta’ droga.

Ara wkoll:

Jinżammu arrestati wara li nqabdu bid-droga