Qorti
Teħel €2,900 u sena bla liċenzja wara li rriversjat fuq karozza oħra

It-tort għal inċident bejn żewġ karozzi li seħħ f’Ottubru 2007 fil-Mellieħa ngħata lil waħda mis-sewwieqa li kienet qed tirriversja, u mhux lil dik li kienet qed tagħmel U-turn.

Il-Pulizija akkużat lil Luciann Cassar b’sewqan traskurat, b’konsegwenza li weġġgħet b’mod gravi lil Louisa Joan Buttigieg. Din tal-aħħar kienet kisret il-polz u baqgħet b’diżabbiltà ta’ 12%. Cassar kienet tqila iżda ma sofriet l-ebda ġrieħi.

Il-ħabta bejn iż-żewġ karozzi seħħet meta Buttigieg marret tagħmel U-turn fi Triq il-Kbira, iżda meta waslet fil-karreġġjata opposta ħabtet f’Cassar, li kienet qed tirriversja.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Marse-ann Farrugia, qieset il-provi u x-xhieda kollha, u minnhom ikkonkludiet li Cassar kellha t-tort għall-inċident.

Hija għalhekk kienet immultata €2,900, u skwalifikata mil-liċenzja tas-sewqan għal sena.