Reliġjon
Tema Maltija għall-ġimgħa dinjija ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara

F’Malta hawn madwar 15-il knisja Nisranija differenti. Illum ġiet fi tmiemha ġimgħa, li matulha ta’ kull sena l-insara jingħaqdu fit-talb għall-għaqda bejn dawn il-knejjes. Dan mhuwiex appuntament għal Malta biss, iżda għall-insara madwar id-dinja kollha. Ta’ din is-sena iżda kellha sinifikat partikulari billi t-talb u r-riflessjonijiet li ntużaw madwar id-dinja tħejjew mill-Insara f’Malta. It-tema kienet “ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” meħuda mir-rakkont tan-Nawfraġju ta’ San Pawl.

Il-Ġimgħa filgħaxija, fil-Pro Katidral ta’ San Pawl fil-Belt, rappreżentati ta’ knejjes insara differenti ltaqgħu għal servizz ekumeniku. Dan hu appuntament ta’ kull sena bħala parti mill-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost il-knejjes Insara.

Television Malta tkellem mal-President tal-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana, Monsinjur Hector Scerri, dwar il-fatt li x-xewqa għall-għaqda tirrifletti f’realtà li hemm firdiet bejn l-Insara.

“Hemm firdiet antiki ġejjin minn ħafna sekli ilu. Firda kbira seħħet 1,000 sena ilu bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa u mbagħad firda oħra kbira ġrat 500 sena ilu, fi żmien Luteru. Allura l-firda bejn il-Knisja Kattolika u l-knejjes li nsejħulhom protestanti. It-talb jgħinna biex negħlbu firdiet antiki, it-talb jgħinna biex inħarsu lejn xulxin b’aktar imħabba u nġibu ruħna ma’ xulxin bi ħlewwa liema bħalha.”

Hi din it-tema, meħuda mill-Atti tal-Appostli, li ntgħażlet għal din il-ġimgħa dinjija ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara, bil-materjal li ntuża madwar id-dinja din is-sena tħejja mir-rappreżentanti tal-knejjes insara li hawn Malta.

Monsinjur Scerri spjega li t-tema tal-ospitalità meħuda mir-rakkont tan-nawfraġju ta’ San Pawl u l-laqgħa li tawh il-Maltin toqgħod ħafna fil-kuntest tal-ekumeniżmu, u għalhekk kif insara minn knejjes differenti jilqgħu lil xulxin. Fis-servizz ekumeniku tal-Ġimgħa, apparti talb, kant u qari mill-Kelma t’Alla kien hemm bosta ġesti simboliċi fosthom l-imqadef – marbuta ħafna mat-tema – u fuq kull maqdef kliem li jorbot mal-iskop ta’ din il-laqgħa bħar-rikonċiljazzjoni, l-ospitalità, it-tama u l-konverżjoni.

Apparti l-akbar komunita’ ta’ nsara: il-Kattoliċi, f’Malta biss hawn preżenti mal-15-il knisja Nisranija differenti.

“Ħafna jiġuhom f’moħħhom bħall-Anglikani li għandhom il-knisja tagħhom il-Belt, il-Pro Katidral ta’ San Pawl, u c-Church of Scotland li hemm Triq Nofsinhar il-Belt, pero hemm oħrajn. Hawn diversi knejjes ortodossi per eżempju: bħas-Serbi Ortodossi, ir-Russi Ortodossi, Kopti Ortodossi, mill-Eġittu, mill-Etjopja u mill-Eritrea. Hawn oħrajn li huma membri ta’ knejjes evanġeliċi, knejjes evanġeliċi Maltin. Dawn kollha huma gruppi ta’ insara differenti li qegħdin jgħixu fostna.”

B’rabta ma’ din il-ġimgħa, sal-Ħadd wara nofsinhar il-pubbliku jista’ jżur wirja fil-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt, bl-esebiti jinkludu fost l-oħrajn kopji antiki tal-bibbja u kotba reliġjużi mis-seklu 13 sa żmienna/ Dawn juru l-għaqda fid-diversita’ fost il-knejjes Insara.