Terz tat-tfal ta’ tliet snin f’riskju li jkollhom bżonn mili fi snienhom
Il-proċess edukattiv hu mportanti ferm fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet nazzjonali biex il-Maltin jagħżlu aktar ikel bnin u jżidu l-eżerċizzju għal saħħithom. L-awtoritajiet tal-Edukazzjoni flimkien ma’ dawk tas-saħħa fasslu policy biex fl-iskejjel, iżda anke fid-dar mal-familja, it-tfal jingħataw ikel tajjeb għas-saħħa u jiġu gwidati jagħmlu l-eżerċizzju kuljum.
“Kemm dak l-ikel kollu li qed jiġi provdut fl-iskola, kemm it-tuck shops, waqt l-attivitajiet u anke dak li l-ġenituri qed jagħtu t-tfal l-iskola għandu jkun ikel san, l-importanza l-oħra hija l-attività fiżika. Nafu li t-tfal għandhom bżonn siegħa attività fiżika kuljum. Hemm parti minnu li jistgħu jieħdu mill-iskola, jew qabel, fil-break, bejn il-lezzjonijiet iżda anke l-ġenituri jridu jkunu hemmhekk biex jipprovdu l-attività fiżika,” qalet id-Direttur għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoi tal-Mard, Charmaine Gauci.
Health PolicyIl-policy issejjaħ biex il-kurrikulu edukattiv ikun iktar flessibli biex tiżdied l-edukazzjoni fiżika għax ir-riċerka turi li iktar mal-istudenti huma attivi iktar imorru tajjeb fis-suġġetti u l-ħiliet l-oħra.
Il-Ministru Evarist Bartolo qal iżda li minħabba ħin limitat fl-iskola, il-ħin għall-edukazzjoni fiżika ma jistax ikun daqs suġġetti oħra li huma obbligatorji. Qal li s-sistema tista’ biss tippromovi u tħeġġeġ iktar l-attività fiżika.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne qal li hemm tliet fatturi li l-policy qed tipprova tindirizza: ir-rata kbira ta’ tfal b’piż żejjed, in-nuqqas t’attività fiżika fost l-istudenti u anke l-problemi fis-snien, li skont studju riċenti terz ta’ tfal ta’ tliet snin diġa huma fir-riskju li jkollhom bżonn mili fi snienhom. Kull azzjoni, qal Mr Fearne, tnaqqas mill-ispiża ta’ €25 miljun fis-snea li Malta qed tonfoq minħabba l-probema tal-piż żejjed u l-obeżita fost il-Maltin.