Safar
AĠĠORNAT: Testijiet għall-Covid lil xi passiġġieri li jaslu Malta minn xi destinazzjonijiet

Fil-ġranet li ġejjin l-Awtoritajiet tas-Saħħa se jobbligaw lill-passiġġieri li jaslu Malta minn ċerti pajjiżi jew bliet meqjusa b’riskju għoli għall-Covid-19 biex jippreżentaw ċertifikat li fit-48 siegħa ta’ qabel kienu negattivi. Dawk li ma jippreżentawx dan iċ-ċertifikat jistgħu jintagħżlu biex isirilhom swab test u jekk jirrifjutawh ikollhom joqogħdu fi kwarantina. Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet waqt il-programm ta’ Television Malta, Rasimbras.

Huwa swab test ġdid li jagħti r-riżultat f’sagħtejn minflok f’sitta dak li se jsir lill-passiġġieri li se jintagħżlu u li jaslu Malta minn rotot partikolari meqjusa b’riskju għoli għall-Covid-19 f’każ li ma jippreżentawx iċ-ċertifikat li jindika li fit-48 siegħa ta’ qabel huma kienu negattivi għall-Covid-19. L-arranġamenti biex jiġu imposti dawn l-obbligi qed isiru propju bħalissa, kif spjega d-Deputat PM Chris Fearne.

“Ġib iċ-ċertifikat miegħek, għax dak anki għalina tifrankalna x-xogħol, imma jekk int ma ġibtux dak iċ-ċertifikat, kun af li kif tasal Malta, għandek il-possibilità li nagħmlulek test. Jekk tirrifjutah, trid toqgħod kwarantina u biex toħroġ mill-kwarantina, xorta trid tagħmel it-test,” qal id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Fil-jum li fih in-numru ta’ każijiet attivi f’Malta beda jqarreb lejn il-500, waqt il-programm Rasimbras id-Deputat Prim Ministru chris Fearne sostna li l-affarijiet għadhom taħt kontroll.

“Numri ta’ persuni infettati huwa ssotanzjali imma mhux allarmanti,” qal Dr Fearne. Mistoqsu jekk hux qed nirriskjaw li s-sitwazzjoni taħrab minn idejna, Dr Fearne wieġeb: “Aħna qed inżommu s-sitwazzjoni taħt kontroll fis-sens li qed nagħmlu kemm nistgħu testijiet ,qed nagħmlu ħafna. Fl-aħħar 24 siegħa għamilna 2,250 test rekord assolut. Rekord assoslut per capita fl-Ewropa.”

Jibqa’ l-fatt li ż-żidiet fil-każi attivi tal-covid-19, minħabba l-attivitajiet tal-massa, intefgħet pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa.

“F’daqqa waħda kellna għexieren ta’ eluf f’temp ta’ ftit ġranet ta’ nies li kellhom bżonn test. Biex żidna dawk riżorsi biex inlaħħqu ma’ dawn, ħadna ġranet. Dawn ifissru aktar tobba, nursers, dentisti, ftaħna laboratorji, daħħalna health scientists ġodda. Mil-lum stess swabbin centre Ħal Qormi, pitghata niftħu ieħor Burmarrad,” qal il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Fis-sigħat li ġejjin mistennija aġġornamenti tal-avviżi legali dwar il-miżuri restrittivi li ddaħħlu ġimgħa ilu.

“Mizuri li daħħalna il-ġimgħa li għaddiet kien hemm min ipprova jsib il-loopholes biex joħroġ minnhojm. Sal-lum stess erġajna emendajna legal notice u biex nagħlqu l-loopholes,” qal Dr Fearne.

Il-Ministru Fearne insista li hemm biżżejjed ilbies protettiv għall-ħaddiema tas-saħħa kollha għal xahrejn u f’qasir żmien se ssir ordni oħra biex tkoprihom sal-aħħar tas-sena. Dwar l-edukazzjoni huwa wieġeb li l-pjan tal-Gvern jibqa’ li l-iskejjel jiftħu lejn tmiem Settembru.

“Fil-ġranet li ġejjin jien u l-Ministru Bonnici se nkunu f’laqgħa mal-Ministri tas-Saħħa u l-Edukazzjoni Ewropej kollha biex naqsmu l-ħsibijiet tagħna kif inhu l-aħjar mod biex nipproteġu għalliema u tfal u komunità,” kompla Dr Fearne.

B’eluf ta’ nies fi kwarantina, li għalkemm mhux pożittivi għall-virus iżda li xorta ma jistgħux imorru għax-xogħol, l-appell jibqa’ l-istess.

“Ejja nippruvaw kulħadd ikun responsabbli ma mmorruux f’sitwazzjonijiet fejn social distancing ikun diffiċli li żżommu. Mhux qed ngħid toħorġux mid-dar, mhux qed ngħidu kulħadd lockdown imma ejja nuru ċertu responsabbiltà u dan hu l-appell tiegħi. we are all in this together.”

Dwar id-dikjarazzjonijet li għamel il-Gvern Russu dwar l-iżvillupp ta’ vaċċin, id-Deputat Prim Ministru qal li l-awtoritajiet xjentifiċi tal-WHO u tal-Unjoni Ewropea għadhom ma ngħatawx evidenza li l-vaċċin huwa sigur u effettiv.

 

Aktar kmieni:

Fil-ġranet li ġejjin l-Awtoritajiet tas-Saħħa se jdaħħlu l-obbligu fuq il-passiġġieri li jaslu Malta minn ċertu pajjiżi jew bliet meqjusa b’riskju għoli għall-Covid-19 biex jippreżentaw ċertifikat li fit-48 siegħa ta’ qabel kienu negattivi.

Dawk li ma jippreżentawx dan iċ-ċertifikat jistgħu jintagħżlu biex isirilhom swab test u jekk jirrifjutawh ikollhom joqogħdu fi kwarantina.

Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne meta wieġeb għall-mistoqsijiet waqt il-programm Rasimbras li se jixxandar fis-7.15 p.m. fuq TVM.

“Ġib iċ-ċertifikat miegħek, għax dak anki għalina tifrankalna x-xogħol, imma jekk int ma ġibtux dak iċ-ċertifikat, kun af li kif tasal Malta, għandek il-possibilità li nagħmlulek test. Jekk tirrifjutah, trid toqgħod kwarantina u biex toħroġ mill-kwarantina, xorta trid tagħmel it-test. Din hija sistema li qed naħdmu bħalissa, fuq il-loġistika tagħha, wara li daħlet f’dan il-weekend li għadda, f’żewġ jew tliet pajjiżi fl-Ewropa, biex aħna nkunu fost l-ewwel li nagħmluha,” iddikjara Dr Fearne.

Il-Ministru Fearne qal li l-awtoritajiet tas-Saħħa bħalissa qed jaħdmu fuq il-loġistika ta’ dawn il-miżuri l-ġodda, li jinkludu l-għażla tar-rotot tal-ajru b’riskju.

Fl-intervista huwa jitkellem dwar emendi ġodda għall-avviżi legali dwar l-attivitajiet tal-massa, dwar il-ftuħ tal-iskejjel ippjanat għal Settembru li ġej u dwar il-vaċċin li r-Russja qed tgħid li żviluppat.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar