Qasam soċjali
Testijiet għall-kontinenza se jibdew isiru wkoll fid-djar tal-anzjani u l-komunità

Servizz ġdid se jevita lil anzjani bil-problema ta’ kontinenza mill-iskariġġ li jmorru l-isptar għat-testijiet.

Dan billi s-servizz ta’ scanning se jibda jingħata minn djar tal-anzjani u fil-komunità.

B’investiment li sar f’żewġ bladder scanners, tim ta’ professjonisti f’dan il-qasam se jagħtu servizz lil iħoss jeħtieġ jiċċekkja dwar din l-isfida.

Il-kontinenza hi sfida għal bosta anzjani iżda anke għal tfal u adulti.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia, qal li l-kontinenza tista’ twassal għal infezzjonijiet serji jekk ma jsirux visti fl-isptar.

Huwa ħabbar li l-Gvern investa €10,000 fix-xiri ta’ żewġ scanners biex min ikollu din l-isfida jevita li jkollu jmur l-isptar Mater Dei.

Minflok, tim ta’ infermiera speċjalizzati fil-kontinenza imorru kemm fi djar tal-anzjani u anke fil-komunità f’każ li wieħed ikollu problema ta’ mobbiltà nkluż persuni b’diżabilità.

Permezz ta’ dan l-apparat se tkun ferm iktar faċli biex anzjani u persuni bi problemi ta’ mobbiltà jagħmlu dan l-eżami għax il-magna hija faċli biex tinġarr minn post għal ieħor.

“It-tim tal-kontinenza imur jassessja dawn il-persuna permezz ta’ ‘portable bladder scanners’ imorru d-dar u jaraw x’inhi l-problema fil-bużżieqa tal-awrina u jekk hemm problema jikkuntattjaw l-ispeċjalisti f’Mater Dei u jagħtuhom parir x’jagħmlu jew ma jagħmlux”.

Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Renzo De Gabriele, qal li f’Malta hawn 6,000 persuna li jitolbu ħrieqi bla ħlas minħabba kontinenza.

Huwa qal li għalhekk għandu tim ta’ infermiera speċjalizzati fil-kontinenza li se jkunu qed imorru bl-iscanner jaħgmlu testijiet għal din il-kundizzjoni.

“Japplika għal prodotti għal nappies, u dan huwa parti mis-servizz ta’ assessment, u wieħed jara jekk is-sitwazzjoni tiġix reversed, u t-tim jagħti pariri meħtieġa lill-klijent”

Minbarra s-servizz fid-djar tal-anzjani u fil-komunità, id-Dipartiment għandu wkoll erba’ ċentri madwar Malta li jagħtu servizz dwar il-kontinenza: fil-Mellieħa, iż-Żurrieq, il-Mosta u l-Ħamrun.