Lokali
Testijiet tad-DNA fuq il-fdalijiet ta’ Tumas Fenech wara li priġunier jallega li hu ibnu

Il-Qorti ordnat li jsiru testijiet tad-DNA fuq il-fdalijiet ta’ Tumas Fenech.  Dan wara li priġunier qed isostni li huwa t-tifel illeġittimu ta’ Tumas Fenech, li kien miet fl-1999.

Il-Qorti ħatret lill-espert forensiku Dr Mario Scerri u lil Dr Marisa Cassar biex jeżaminaw il-fdalijiet ta’ Fenech u jagħmlu test tad-DNA. Dan sabiex jaraw jekk il-priġunier Victor Buttigieg huwiex iben Fenech.

Fl-2013, Buttigieg kien fetaħ każ quddiem il-Qorti tal-Familja u talab li fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu jitniżżel li missieru huwa Tumas Fenech. Huwa kien talab li jsiru t-testijiet tad-DNA wkoll.

Fix-xhur li għaddew fil-Qorti kien instema’ li l-fdalijiet ta’ Fenech kienu tneħħew mill-qabar li kien midfun fih.

Buttigieg bħalissa jinsab fil-Faċilità Korrettiv ta’ Kordin jiskonta sentenza dwar droga. Huwa ilu dieħel u ħiereġ il-ħabs għal kważi 25 sena fuq sentenzi relatati ma’ serq u droga.

Fl-1999, huwa kien intbagħat il-ħabs għal tmiem xhur b’rabta ma’ serq. Din is-sentenza kien ġiet imnaqqsa għal sitt xhur. Fl-2005 huwa kien weħel sentejn ħabs wara li fl-2003 inqabad bl-eroina. Fl-2015 kien weħel sitt snin ħabs wara li reġa’ nqabad bl-eroina.