Lokali
Testijiet tad-DNA jwasslu biex jiġi akkużat b’serqa ta’ ġojjelli minn Tigne

Testijiet tad-DNA kienu determinanti biex Albaniż ta’ 27 sena, Begtash Muka ġie akkuzat bis-serqa minn Diamonds International li seħħet f’Tigne f’Novembru tal-2017. Muka qed jinżamm il-ħabs fuq akkużi oħra wara li nqabad jipprova jidħol b’arma tan-nar f’żona ristretta tal-ajruport f’Novembru li għadda.

Fis-serqa minn Diamonds International, żewġt irġiel li iktar tard irriżulta li kienu l-aħwa Begtash u Daniel Muka rnexxielhom jaħarbu b’kemm jiswew kważi terz ta’ miljun Ewro f’ġojjelli. Fil-hold up ġiet anke ippontata pistola lejn il-pulizija u allegatment wieħed mill-ħallelin ipprova jispara iżda l-arma weħlet.

Quddiem il-Magistrat Yana Micallef Stafrace , Begtash Muka ġie akkużat b’attentat ta’ qtil waqt l-istess serqa. Huwa qed jiċħad l-akkużi. L-avukat difensur ta’ Muka, Franco Debono ikkontesta l-validita tal-arrest ta’ Muka, li sar iktar minn sena wara li seħħ il-każ. L-ispettur James Grech qal lill-qorti li dan sar għax Muka kien maħrub u nqabad f’Novembru li għadda meta pprova jidħol f’żona ristretta tal-ajruport.