Tfajla Maltija f’relazzjoni ta’ iktar minn 9 xhur ma’ ġuvni li ma jeżistix

Bosta persuni f’Malta qed jisfaw vittmi tal-gideb fabbrikat minn individwi b’intenzjoni qarrieqa, dan qed isir anke jekk il-vittmi jkollhom għarfien b’saħħtu tat-teknoloġija.

Morna f’ras il-għajn u tkellimna mal-Ispettur Anne Marie Micallef li spjegat li jsiru diversi tipi ta’ frodi; fosthom; frodi ta’ investiment fejn il-vittma tiġi mħajjra tinvesti fi skemi jew kumpaniji li ma jeżistux, kif ukoll individwi li saħansitra daħlu f’relazzjoni ma’ persuna fittizja bi profil falz fuq Facebook. L-Ispettur Micallef ħeġġet lill-pubbliku biex jagħti iktar attenzjoni qabel iħallas jew jagħti xi flus  u informazzjoni sensittiva, wieħed għandu jfittex u jivverifika d-dettalji tal-parti l-oħra qabel jiġu effettwati xi  tranżazzjonijiet.

‘Popolin’ tkellem ma’ tfajla li saret tħobb persuna, li ltaqgħet magħha fuq Facebook. Wara ammont ta’ xhur jitkellmu, xtaqet tiltaqa’ mal-persuna wiċċ imb’wiċċ biss dan l-individwu sab skuża u qalilha li kellu xi familjari l-isptar u li minħabba f’hekk kellu problemi finanzjarji, għalhekk din it-tfajla offriet li tibgħatlu xi flus. Għal bidu deher interessat fl-offerta, biss x’ħin saqsiet biex jiltaqgħu ma ħax gost: “aċċetajt li nibgħatlu li-flus għax bdejt nitħassru, din l-istorja baqgħet għaddejja għal disa’ xhur sħaħ u dejjem baqa’ jsib l-iskużi”. Sħabha pruvaw jiftħula għajnejha biss hi ma riditx tisma’. Maż-żmien bdiet tirrealizza li hemm xi ħaġa mhux f’postha. Talbitu biex imqar jagħmlu kuntatt telefoniku, biss sab skuża, qata’ l-kuntatt u saħansitra mblokka l-profil tagħha.

Matthew Bartolo, psikologu u sesswologu spjega kif l-individwi li jaslu jagħmlu dawn l-atti frodulenti qegħdin jilgħabu bis-sentimenti u l-emozzjonijiet ta’ diversi persuni. Huwa jemmen li dawn il-frodisti jagħmlu siegħat jistudjaw il-vittmi tagħhom. Bartolo tkellem fuq każ li ħadem fuqu fejn persuna ġiet frodata aktar minn 70,000 ewro f’każ simili. Żied jgħid li meta vittma tara persuna li qed tinvesti ammont ta’ siegħat kuljum biex titkellem magħha, bla ma trid iġġiegħelha temmen li s-sentimenti tal-persuna l-oħra huma sinċiera. Huwa tenna li madwar dan is-suġġett hemm ħafna mistħija. Diversi vittmi jistħu jgħidu li ngidmu b’dan il-mod għalhekk joqgħodu lura milli jfittxu l-għajnuna.  Bartolo ssuġġerixxa lil min għaddej f’xi sitwazzjoni simili, biex jieqaf jibgħat il-flus ħalli jara x’jiġri. Qal ukoll li familjari li għandhom xi membru fil-familja li għaddej minn din is-sitwazzjoni għandu jitkellem mal-vittma u jitlob iktar informazzjoni b’mod indirett u mhux jiġġudika.