Lokali
Tfajla ta’ 18 tinżamm arrestata wara li dehret tisraq ħwejjeġ minn tliet ħwienet

Heide Jennifer Payne, tfajla Ingliża ta’ 18-il sena residenti r-Rabat inżammet arrestata b’rabta ma’ diversi serqiet li seħħew f’Novembru tas-sena li għaddiet u Marzu ta’ din is-sena.

Wara li ġew elevati filmati minn kameras tas-sigurtà minn kumpless ta’ stabbilimenti f’Tas-Sliema, ġie stabbilit li l-istess tfajla, fi ġranet differenti, dehret tisraq ħwejjeġ minn tliet ħwienet li jinsabu f’dan il-kumpless.

Minn aktar investigazzjonijiet li saru rriżulta ukoll li l-istess tfajla allegatament dawret favur tagħha aktar minn €10,000 fi tranżazzjonijiet għad-dannu tal-kumpanija fil-crypto currency, li kienet taħdem magħha.

Wara li tressqet il-Qorti, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat biex minħabba l-età tagħha t-tfajla tinżamm f’sezzjoni fejn jinżammu ż-żgħażagħ.