Lokali
Tfajla tintbagħat sena ħabs wara li pprovat titlaq minn Malta b’dokumenti foloz flimkien ma’ wliedha

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea qalet li għandu jkun hemm struttura barra l-għases tal-puliizja biex f’każi ta’ emerġenza li fihom ikun hemm involuti t-tfal, dawn jinżammu f’ambjent adattat u sigur, taħt il-ħarsien tal-Appoġġ. Il-Qorti għamlet dan il-verbal fi tmiem seduta, u ordnat li jingħata kopja tiegħu l-Ministru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali.

Fis-seduta, tressqet b’arrest mara ta’ 22 sena mill-Kosta tal-Avorja, li hija wkoll omm ta’ żewġt itfal ta’ sena u nofs u ta’ tliet snin u nofs.Hija kienet akkużata li ppruvat issiefer b’passaporti foloz, kemm tagħha kif ukoll taż-żewġ uliedha.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Hubert Gerada qalet li meta kellmuha, qaltilhom li hi trid tmur ħdejn żewġha l-Italja. Qal ukoll li għax kellha t-tfal magħha, l-akkużata ma tteħditx id-depot u sakemm tressqet il-Qorti, inżammet fid-detenzjoni tal-ajruport li għandha ambjent ta’ sala ta’ stennija aktar milli ċella.

Il-mara, Sidibe Tene, ammettiet l-akkużi kontriha. Il-Qorti nnotat x’qal l-ispettur u li t-tfal tal-akkużata nġabu l-Qorti akkumpanjati minn ħaddiema mal-Appoġġ u għalhekk għamlet verbal li fih appellat għal struttura addattat għat-tfal f’każijiet ta’ emerġenza/ Il-Qorti kkundannat lill-mara għal 12-il xahar ħabs.

L-avukat tal-għajnuna legali Martha Mifsud dehret għall-akkużata.