Qorti
Tfajla tinżamm responsabbli li tat ‘review’ negattiv lil appartament tal-kiri

Tfajla li tat ‘review’ negattiv lil appartament li kriet ma’ sħabha ġiet ordnata tagħti €200 f'”danni morali” lill-kumpanija propjetarja wara li mħallef ikkonkluda li ħalliet impatt negattiv fuq in-negozju tal-kumpanija.

Il-kumpanija fetħet kawża fil-Qorti tal-Maġistrati kontra t-tfajla fejn talbet li tingħata kumpens talli tatha ‘review’ ħażina b’rabta ma’ kirja ta’ appartament.

Mill-provi li tressqu f’dan il-każ irriżulta li l-kumpanija żammet €87 mid-depożitu ta’ €120 wara li żammet lit-tfajla responsabbli tal-ħsara li l-kumpanija qalet li sabet fl-appartament.

It-tfajla ċaħdet dan u wissiet lill-kumpanija li kienet se tagħtiha ‘review’ ħażina.

Fil-fatt fuq is-sit booking.com hija tat lill-appartament punteġġ ta’ 2.5 minn 10 għal kull waħda mill-ħames kategoriji li fuqhom seta’ jiġi ġġudikat l-appartament.

Minbarra hekk kitbet ukoll il-frażi “worst host ever with bad manners” u qalet li m’għoġobha xejn u dejjaqha kollox.

Il-kumpanija fetħet il-kawża għax qalet li minħabba din ir-‘review’ negattiv, l-appartament ma baqax jidher fl-ewwel faċċata tas-sit imsemmi.

Il-Qorti tal-Maġistrati ma laqgħetx it-talba tal-kumpanija u kkonkludiet li l-punteġġ li t-tfajla tat lill-appartament ma kienx malafamanti.

Kien għalhekk li l-kumpanija appellat bl-Imħallef Lawrence Mintoff jgħid li mill-provi rriżulta li t-tfajla heddet lill-kumpanija li tpattihilha, billi tagħti ‘reviews’ negattivi, talli ma tathiex lura l-flus.

Huwa qal li kien veru li l-appartament ma baqax jidher kif kien fis-sit booking.com madankollu żied li l-appartament baqa’ jinkera regolari fuq portals elettroniċi oħra tant li matul l-2019 kien kważi dejjem mimli.

L-Imħallef Mintoff żied li huwa mhux konvint li l-appartament kien jistħoqqlu l-agħar ‘rating’ meta l-unika lment kien dwar il-‘geyser’ li kien qed iqattar.

Waqt li qal li missha kienet aktar speċifika dwar l-esperjenza tagħha, huwa żied li mhux aċċettabbli li klijenta mhux sodisfatta f’aspett wieħed tal-akkomodazzjoni tagħha tiżvoga l-esperjenza qarsa tagħha bil-mod li għamlet.

Kien għalhekk li l-Imħallef Mintoff ħassar is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati u ordna lit-tfajla tħallas €200 lill-kumpanija bħala “danni morali” għar-‘review’ tagħha.