Barranin
Tfajla tirrifjuta r-raġel li għażlulha l-ġenituri u toħloq moviment

Indjana ta’ 18-il sena mhux biss irribellat kontra d-deċiżjoni tal-ġenituri li jagħżlulha raġel biex tiżżewġu imma waqqfet moviment kontra din l-użanza.

Priyanka Bairwa kellha biss 15-il sena meta ommha u missierha bdew ifittxulha raġel u s-sena li għaddiet sabulha ġuvni.

Madankollu ma riditx taf u wara li kellha xi tgħid mal-ġenituri heddithom li taħrab. Il-ġenituri beżgħu li setgħet tagħmel xi ħaġa lilha nnifisha u ċedew.

It-tfajla ma waqfitx hawn u waqqfet il-moviment Rajasthan Rising biex tqajjem kuxjenza fost tfajliet oħra dwar iż-żwieġ sfurzat.

Din id-drawwa żdiedet sew fl-Indja matul il-pandemija bl-istat ta’ Rajasthan, fejn tgħix Bairwa, jikkalkula li tfajla minn kull tlieta li għandhombejn 22 u 24 sena kienu mġiegħlha jiżżewġu sakemm għalqu t-18-il sena.

Fil-bidu t-tfajla kellha madwar 10 tfajliet oħra fil-grupp imma issa dawn telgħu għal 1,200 u saru moviment.

Hija qed tinsisti mal-awtoritajiet tal-pajjiż li t-tfajliet għandhom jitħallew jingħataw kull għajnuna biex jistudjaw flok jiżżewġu żgħar.