Lokali
Tfal bl-awtiżmu jingħataw tagħmir speċjalizzat biex jibdew jikkomunikaw

Numru ta’ tfal bl-awtiżmu jew bi problemi ta’ komunikazzjoni se jibdew jużaw tagħmir speċjalizzat biex jgħinhom jintegraw iktar fis-soċjetà. Dan it-tagħmir speċjalizzat ingħata mill-fondazzjoni Malta Trust Foundation li flimkien mal-Aġenzija Sapport ħadmu fuq il-proġett E3. Il-ħsieb huwa li l-fondazzjoni tilħaq iktar tfal bi bżonnijiet varji, fosthom tfal neqsin mid-dawl.

22 tifel u tifla fl-ispettru tal-awtiżmu jew bi problemi ta’ komunikazzjoni u viżta se jesperjenzaw titjib fil-mod kif jitgħallmu u jikkomunikaw. Huma rċevew tagħmir elettroniku speċjalizzat li se jiffaċilita’ t-tagħlim u jgħinhom jintegraw aktar fis-soċjetà.

It-tagħmir li jiswa mal-€100,000 ġie finanzjat mill-Malta Trust Foundation. Il-flus inġabru waqt maratona ta’ ġbir ta’ fondi li saret aktar kmieni din is-sena mill-istess fondazzjoni bħala parti mill-proġett E3, li l-għan tiegħu hu li jeduka, jagħmel kuraġġ u jinċentiva tfal b’abiltajiet differenti. L-Aġenzija Sapport għenet fl-assessjar tat-tfal.

Iċ-chairperson tal-Malta Trust Foundation, Marie-Louise Coleiro Preca, tkellmet dwar il-ħtieġa tat-tagħmir.

“Dawn id-devices jgħinu ħafna lil dawn it-tfal biex jibdew jikkomunikaw. Malli jibdew jikkomunikaw, il-kwalità ta’ ħajja tagħhom tinbidel, tal-familja tagħhom u anke tat-tfal sħabhom ġewwa l-iskola. Mill-esperjenza li diġà għandna b’dawn id-devices ma’ dawn it-tfal, nafu li jsiru l-mirakli – it-tfal jikkomunikaw, it-tfal jimxu ‘l quddiem u l-iżvilupp tagħhom jifjorixxi.”

Apparti t-tagħmir, li ġie personalizzat għall-bżonnijiet ta’ kull individwu, qed jingħata taħriġ lit-tfal u l-familji tagħhom biex ikun zgurat li jieħdu l-benefiċċji kollha tat-tagħmir. Il-fondazzjoni qalet li tinsab f’kuntatt ma’ professjonisti u entitajiet oħrajn, inkluż organizzazzjonijiet governattivi, biex tassigura li tilħaq u tgħin kemm jista’ jkun tfal. Żiedet tgħid li bħalissa, tinsab fil-proċess li ġġib 36 tagħmir ieħor għal tfal neqsin mid-dawl.