Lokali
FILMAT: Tfal evakwati mill-iskola tal-Mosta wara splużjoni fil-maħżen

Ħadd ma weġġa’ f’nar li qabad fl-iskola primarja ta’ Marija Reġina fil-Mosta ftit qabel nofsinhar, hekk kif it-tfal kienu qegħdin jippreparaw biex imorru lura d-dar. Xi tfal u għalliema ngħataw kura fuq il-post minħabba d-duħħan li belgħu.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni ntqal li ‘play worker’ li pprova jitfi n-nirien ittieħed il-poliklinika għal osservazzjoni.

Lejlet l-aħħar jum ta’ Skola Sajf fl-iskola primarja tal-Mosta spiċċa b’esperjenza mhux mixtieqa u lanqas mistennija kawża ta’ nar li beda minn maħżen tal-purtinara fit-tieni sular tal-iskola li tinsab fi Triq Grognet fil-Mosta. Kawża tal-materjal li kien maħżun fih instemgħu diversi splużjoniet żgħar.

In-nar żviluppa ftit qabel nofsinhar u għalkemm kien kontrollat malajr, mat-350 tifel u tifla fl-età bejn it-tlieta u l-għaxar snin, inħarġu mill-iskola qabel ma waslu fuq il-post il-pumpiera tal-Protezzjoni Ċivili.

L-evakwazzjoni tat-tfal u l-għalliema bdiet malli qabad in-nar għall-ħabta ta’ nofsinhar neqsin kwart u jidher li mxiet skont il-pjan tal-evakwazzjoni li l-iskola għandha għal każi t’emerġenza. Fuq il-post kien hemm Ambulanza bit-tim paramediku li assista xi tfal u għalliema kontra l-effetti tad-duħħan li belgħu. In-nar ġie kkontrolat fi ftit ħin mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili.

Barra l-iskola imġemgħu diversi ġenituri malli ġriet l-aħbar, waqt li tfal dehru viżibilment maħsuda bl-għalliema u l-Pulzija jippruvaw iżommuhom kalmi sakemm inġabru mill-ġenituri tagħhom. Il-kawża tan-nar għadha qed tiġi nvestigata.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru ghall-Edukazzjoni u x-Xoghol intqal li wara stħarriġ fl-iskola irriżulta li m’hemmx periklu u l-iskola se tkompli tiffunzjona b’mod normali.