Lokali
Tfal fl-iskejjel se jibdew jingħataw ħalib, ħaxix, u frott

It-tfal li jattendu l-iskejjel primarji tal-istat, tal-knisja u indipendenti fil-ħames snin li ġejjin ser jingħataw frott, ħaxix u ħalib bil-għan li titrawwem kultura ta’ ikel tajjeb għas-saħħa bħala parti mill-istrateġija kontra l-obeżità.

Fit-tnedija tal-iskema fl-iskola primarja tan-Nadur Għawdex, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja Clint Camilleri qal li l-iskema, li ser tiswa ftit inqas minn miljun ewro, se tkopri l-ispejjeż għat-tqassim tal-ħalib li se jiġi nkluż mal-frott u l-ħaxix.

“Il-Gvern tripla l-fond tiegħu sabiex nassiguraw li jasal frott, ħaxix u ħalib bnin għall-istudenti tagħna, ħalli nkomplu nrawwmu l-edukazzjoni fost it-tfal, għall-ikel nutrittiv, l-ikel tajjeb u għal dieta bbilanċjata,” spjega s-Segretarju Parlamentari.

Il-Perit Camilleri żied jgħid li dan għandu jqanqal għarfien dwar ir-rwol ta’ dawn il-prodotti fid-dieta u fl-importanza tal-biedja. Fl-attività tnieda wkoll il-mascot ‘Ninu l-Bninu’ imnebbaħ mid-disinn rebbieħ ta’ tifel li li attenda Skolasajf.

Intant, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard nieda linji gwida dwar id-dieta għat-tfal ta’ età bejn it-3 u t-12-il sena.

Id-Direttur Ġenerali tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li l-linji gwida huma parti mill-isforzi boiex tonqos l-obeżità fit-tfal. Qalet li l-ewwel studji li sar juri li 40 fil-mija tat-tfal Maltin għandhom piż żejjed bl-akbar problema hija fost it-tfal ta’ bejn il-ħames u t-tmien snin.

Id-direttur tad-Direttorat Paula Vassallo qalet li l-linji gwida jagħmlu emfasi fuq id-daqs tal-porzjonijiet tal-ikel. “Qed juża l-id tat-tifel jew tifla biex jagħti indikazzjoni kemm għandna nagħtuhom ikel. Per eżempju jista’ juża ponn, jew jista’ juża s-swaba għal kemm għandna nieħdu ġobon, jista’ juża wkoll il-pala tal-id, il-pala bis-swaba, biex aħna jkollna indikazzjoni aktar ċara ta’ kemm għandna nagħtuhom.”

Dr Vassallo qalet li barra ikel bil-qies u bilanċjat, t-tfal għandhom jagħmlu eżerċizzju fiżiku għal siegħa kuljum li tista’ tkun imqassma f’perjodi iqsar f’ħinijiet matul il-ġurnata.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Teknika partikolari u pjuttost unika waslet biex l-artist Corrado Iozia joħloq diversi kwadri li mhux biss ipaxxu l-għajn iżda anke li jibagħtu messaġġ soċjali. Il-wirja tinsab fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta. Corrado…

Kronaka

Raġel ta’ 58 sena sofra ġrieħi gravi wara li tard ilbieraħ kien involut f’argument fix-Xagħra, Għawdex. Il-Pulizija kienet infurmata bil-każ fi Triq it-28 t’April 1688 għall-ħabta tal-10.50pm. Il-Pulizija qalet li…

Immigrazzjoni

Il-bastiment Aquarius, li kien qed jopera fl-ibħra ċentrali tal-Mediterran biex jittrasporta u jeħles immmigranti li kienu qed jippruvaw jaqsmu illegalemnt mil-Libja lejn l-Italja, kellu r-reġistrazzjoni tiegħu revokata. Il-vapur, li huwa…

Ġurnali

Nagħtu ħarsa lejn il-faċċati tal-ġurnali llum it-Tnejn 24 ta’ Settembru 2018: L-Orizzont Aktar kumpaniji barranin lesti li jinvestu f’Malta: Hekk jisħaq il-prim ministru meta kien qed jitkellem dwar Brexit. Storja…

Aktar