Tfal għandhom jiġu mogħtija ismijiet strambi?

Kemm il-darba tisma b’xi isem partikolari li xejn ma jdoqq f’widnejna? Fl-aħħar snin daħlet l-użanza li l-ġenituri jivvintaw jew joħorġu b’xi isem tant stramb li ħafna jispiċċaw jikkritikaw l-għażla magħmula mill-ġenituri li ġejjien mill-hekk imsejħa ġenerazzjoni Z.

Mistieden waqt il-programm Popolin Trevor Żahra tkellem dwar ismijiet partikolari li bdew jintużaw fl-aħħar snin.

Tenna li l-partikolarità marbuta ma’ dawn l-ismijiet hija suġġettiva għaliex dak li hu stramb għal persuna mhuwiex stramb għal persuna oħra. Saħaq li l-ġenituri għandhom ikunu fil-libertà jagħżlu ismijiet li jixtiequ huma. Minn naħa l-oħra huwa kritika ismijiet li b’xi mod jirredikolaw lit-tarbija u jiftħulu l-bibien beraħ għal ċerti insulti. “Għandna noqgħodu attenti li l-isem ma jkollux konnotazzjonijiet ma’ affarijiet oħra li b’xi mod jistgħu joħolqu xi tbatija għat-tfal”.

Żied jgħid li jaqbel li f’pajjiżna għandhom jiġu introdotti liġijiet li jikkontrollaw l-għażla fl-ismijiet mogħtija, jekk b’xi mod l-isem jista’ jaffettwa b’mod negattiv lit-tarbija; “għandu jkun hemm liġijiet li ma joħonqux lill-ġenituri biss li fl-istess ħin jipproteġu l-interessi tat-tfal”.

Huwa tenna li kull pajjiż ikollu numru ta’ ismijiet tipiċi u kienet ħasra li pajjiżna beda jitlef din l-użanza. Jidher li fl-aħħar snin Maltin bdew mill-ġdid jgħażlu li jsemmu lil uliedhom ismijiet tipiċi Maltin.

Mistoqsi mill-preżentatur x’qed iwassal għal din il-popolarità marbuta mal-ismijiet Maltin, Żahra spjega li bħala poplu “qegħdin inkunu aktar konxji tal-identità tagħna u tal-karatteristiċi sbieħ marbuta ma’ pajjiżna. Ma għandniex għalfejn nistħu minn dawn l-ismijiet anzi għandna napprezzaw u ngħożżu l-identità tagħna”.