Knisja Maltija
Tfal jieħdu l-annimali għat-tberik fir-Rabat

Temp kiesaħ imma bnazzi, dalgħodu għamel kuraġġ lill-ħafna familji biex jerħulha għall-festa ta’ San Anton Abbati fir-Rabat. Il-wasla tal-purċissjoni bl-istatwa antika ta’ Sant’Anton Abbati akkumpanjata mill-komunità Agostinjana mliet bl-entuzjażmu lit-tfal li ħadu magħhom l-annimali biex iberkuhom.

Il-festa tradizzjonali ta’ Sant Anton Abbati, il-qaddis protettur tal-annimali li għandha l-oriġini tagħha fi żmien il-Kavallieri li kienu jibagħtu ż-żwiemel tagħhom għat-tberik, saret il-Ħadd filgħodu bl-istatwa toħroġ mill-knisja ta’ San Mark fir-Rabat bis-sehem tal-Banda L’Isle Adam.

Kull sena jispikkaw iż-żwiemel u ponnijiet iżda wkoll l-bosta annimali domestiċi wħud pjutost mhux daqstant komuni li jittiedu biex jitbierku mill-provinċjal tal-Agostinjani fil-kunvent tar-Rabat Patri Raphael Abdilla.

Fil-kuxjenza akbar li hawn għall-ħarsien tal-annimali, din il-festa fl-eqqel tax-xitwa turi wkoll l-għożża ta’ bosta għall-annimali tagħhom.
Saħansitra din is-sena kien hemm familja li ġabet għat-tberik l-annimali li ġabret għax kienu abbandunati minħabba li għandhom xi diżabilità.

Is-sidien li ressqu l-annimali għat-tberik, ingħataw il-ħobż ħelu ta’ Sant Anton – tradizzjoni li tmur lura għall-imgħoddi meta l-patrijiet Agostinjani kienu jqassmu l-ħobz lill-foqra.

Fl-istatwa ta’ Sant’ Anton Abbati spiss jidher mal-ħanżir kif jispjega Patri Raphael dwar il-ħajja ta’ dan il-qaddis li għex ta’ eremita fid-deżert.

Patri Raphael qal “ħajtu kollha li kienet mimlija b’dawn l-esperjenzi iebsin fejn ix-xitan kien iħabbtu u x-xitan ġie simbolizzat f’ħanżira u propju għalhekk naraw fil-pjazza f’waħda mill-istatwi li għandna ħdejn riġlejh hemm il-ħanżira u allura l-annimali ntrabtu miegħu minħabba f’hekk.”

Il-festa ta’ Sant’ Anton Abbati titfakkar fis-17 ta’ Jannar u fl-eqreb Ħadd issir din iċ-ċelebrazzjoni reliġjuża u folkloristika li hija l-ewwel waħda f’Malta li fiha bdew jitbierku l-annimali.