Lokali
Tfal taħt it-12-il sena mhux se jkollhom bżonn test negattiv għal attivitajiet tal-massa

Min-nhar it-Tnejn, se jkomplu jitnaqqsu iżjed miżuri kontra l-Covid wara li ma kinux irreġistrati clusters fl-iskejjel.

Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha qal ukoll li se jiżdiedu għal 8 l-ammont ta’ nies li jistgħu jkunu madwar mejda f’restorant fost inqas restrizzjonijiet.

Intant, il-Gvern bagħat 135,000 doża tat-tilqima tal-Covid fir-Rwanda bħala parti mis-solidarjetà li qed juri pajjiżna f’dan il-perjodu ta’ pandemija.

Imħabbar iktar tnaqqis ta’ miżuri kontra l-Covid fl-iskejjel hekk kif skont id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ma kinux reġistrati każi ta’ studenti morda bil-virus.

Dr Fearne qal li dan jippermetti li jkomplu jiġu rilaxxati iktar miżuri, tant li b’effett mit-Tnejn, fejn fost oħrajn, tfal taħt it-12-il sena akkumpanjati minn adult biċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jkollhom bżonn li jipprovdu test negattiv għall-Covid-19 għall-attivitajiet tal-massa.

Il-Ministru tas-Saħħa ħabbar ukoll li minn nhar it-Tnejn li gej in-numru ta’ persuni li jkunu madwar mejda f’attività bilqegħda fosthom tiġijiet, minn sitt persuni, se jitla’ għal tmienja, u li d-distanza fuq barra minn metru u nofs se tinżel għal metru.

Dr Fearne ħabbar ukoll li f’attivitajiet bilqiegħda n-numru se jitla’ sa massimu ta’ 300. Sostna li l-mezzi tat-trasport pubbliku se jibdew iġorru tmenin fil-mija tal-ispazju għall-passiġġieri. Id-Deputat Prim Ministru qal li Malta qed tirrikonoxxi wkoll iċ-ċertifikati tal-vaċċin tal-Armenja, il-Moldova, l-Iraq u l-Korea t’Isfel.

Intant, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ħabbar li f’Kigali, ir-Rwanda, l-Airmalta wasslet 135,000 doża tal-vaċċin ta’ AstraZeneca kontra l-Covid-19 biex jintużaw minn dan il-poplu.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal fi stqarrija li saru l-arranġamenti mal-linja nazzjonali tal-ajru biex tinkera titjira diretta lejn Kigali biex tintwera s-solidarjetà ta’ Malta mal-poplu tar-Rwanda.

It-titjira telqet lejn ir-Rwanda fis-sagħtejn tal-Ġimgħa filgħodu u damet sejra għal madwar 7 siegħat. Fost il-pajjiżi li bbenefikaw minn kunsinni ta’ tilqim minn Malta kien hemm il-Libja u l-Eġittu, b’iktar donazzjonijiet mistennija jsiru fil-ġimgħa u x-xhur li ġejjin.