Lokali
Tfeġġ opportunità għal riċerkaturi Maltin u Kroati fil-qasam mediku u vetturi elettriċi

Il-President, George Vella, qal li Malta u l-Kroazja qablu li jinsistu mal-Unjoni Ewropea biex programmi mfassla apposta għall-Mediterran jitwettqu fl-interess taċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi. Dr Vella qal li dawn il-programmi fihom proġetti li jindirizzaw sfidi bħat-tibdil fil-klima, l-immigrazzjoni u t-tniġġiż tal-baħar.

Il-President kien qed jitkellem maċ-ċentru tal-aħbarijiet wara laqgħat li kellu f’Zagreb mal-Prim Ministru u l-Ispeaker tal-Parlament Kroat. Fi żvilupp ieħor, tfeġġ opportunità ta’ kollaborazzjoni bejn riċerkaturi Maltin u Kroati fil-kamp mediku u l-vetturi li jaħdmu bl-elettriku.

L-impenji uffiċjali tal-President u s-Sinjura Vella fil-Kroazja urew sens ta’ ammirazzjoni li l-President tal-pajjiż, Zoran Milanovic, għandu lejn Malta – fattur rifless fid-diskorsi tiegħu fosthom f’ċena statali l-Erbgħa filgħaxija. Milanovic għandu għarfien tajjeb ta’ Malta permezz ta’ martu, Sanja Music, akkademika fl-iskola medika tal-Università ta’ Zagreb li għamlet żmien tgħallem f’Malta.

Il-Ħamis filgħodu, il-President George Vella ntlaqa’ mill-Prim Ministru Kroat, Andrej Plenkovic, u wara laqgħa qasira bejniethom issuktaw bit-taħdidiet fil-preżenża ta’ delegazzjoni miż-żewġ pajjiżi. Fuq l-aġenda preżentazzjoni dwar l-ekomonija, li fil-każ taż-żewġ pajjiżi hi dipendenti ħafna fuq it-turiżmu, l-effetti tal-COVID-19 u kif se tirpilja. Il-President George Vella qal li bħala membri tal-Unjoni Ewropea, iż-żewġ pajjiżi għandhom ideali komuni: dawk li jħarsu l-interessi taċ-ċittadini tagħhom u li jiżguraw is-sigurta’ u l-istabilita’ fil-pajjiż.

“L-UE li għandha l-problemi tagħha: l-Ukrajna, il-Belarussja u l-Afghanistan u ma nħallux li dawn jiddominaw ix-xena internazzjoanli u l-problemi tagħna jiġu injorati. Hemm programmi tal-UE li huma lesti biex ivaraw proġetti kbar fil-Mediterrran u f’dawn il-laqgħat tkellimna li għandna ninsistu li dawk il-programm ma jibqgħux fuq il-karta imma jiġu implimentati fl-interess tagħna u f’dawn jidħlu l-kwistjonijiet
tat-tibdil fil-klima, l-immigrazzjoni u t-tniġġiż tal-baħar Mediterran li fih ngħixu u qegħdin.”

Mal-Ispeaker tal-Parlament, Gordan Jandrokovic, diskussi diversi temi ta’ interess komuni fosthom il-Konvenzjoni dwar il-Ġejjieni tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju tas-solidarjetà. Il-President George Vella ħeġġeġ għal skambji bejn deputati miż-żewġ pajjiżi permezz tal-Grupp ta’ Ħbiberija Parlamentari. Intant, taħdidiet bejn il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici, u l-Ministru Kroat għax-Xjenza u l-Edukazzjoni, Radovan Fuchs, wittew it-triq biex jiġi formalizzat ftehim li għandu jippermetti li riċerkaturi miż-żewġ pajjizi jaħdmu flimkien fuq suġġetti ta’ interess għat-tnejn.

Il-Ministru Owen Bonnici qal “pereżempju l-qasam tal-mediċina, ta’ kif nistgħu noħolqu soluzzjonijiet ġodda fejn tidħol il-kura tas-saħħa, u anke fejn jidħlu oqsma marbuta mal-produzzjoni ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku u l-aċċessorji li għandhom x’jaqsmu ma’ dan is-settur, bħal per eżempju batterji. Jien stedint lill-Ministru Fuchs li jiġi Malta sabiex imbagħad inkunu nistgħu nistgħu mmexxu ‘il quddiem proċess bilaterali bn iż-żewġ naħat.”

Dr Bonnici qal li b’dan il-mod r-riċerkaturi jkunu jistgħu japplikaw flimkien għal fondi Ewropej li huma disponibbli biss kemm-il darba jkun hemm koperazzjoni bejn żewġ pajjiżi jew aktar tal-Unjoni Ewropea.

Il-laqgħat uffiċjali f’din iż-żjara statali qed ikunu turija ta’ rispett li jeżisti bejn Malta u l-Kroazja u x-xewqa, imma forsi aktar minn hekk, ir-rieda li teżisti li t-temi diskussi u l-kuntatti li qed isiru jissarrfu f’opportunitajiet u ġid għall-popli taż-żewġ pajjiżi.