Barranin
Tfittxija għal sajjied li qatel foka maħbuba fil-Greċja

Fil-Greċja, dawk li għandhom għal qalbhom l-annimali li jgħixu fis-selvaġġ jinsabu maħsuda bil-qtil ta’ foka rari u maħbuba lil hinn mill-gżira Griega ta’ Alonissos.

L-awtoritajiet Griegi qegħdin ifittxu l-qattiel ta’ Kostis, foka Mediterranja li saret is-simbolu tal-gżira. Hija ssemmiet għas-sajjied li kien salvaha f’maltempata li seħħet fl-2018.

L-għaqda MOm li tieħu ħsieb il-foki u li ħadet ħsieb lil Kostis għal bosta xhur qed issostni li l-foka ċkejkna nqatlet minn sajjied permezz ta’ harpoon.

Mom qalet li Kostis inqatlet minn distanza qasira b’harpoon u ħeġġet lil kull min għandu xi informazzjoni biex ikellem lill-pulizija bil-għan li jinqabad il-qattiel u ssir ġustizzja.

Kostis ġiet rilaxxata fil-Park Marittimu Nazzjonali ta’ Alonissos wara li nfirdet minn ommha waqt maltempata.

B’reazzjoni għal dan il-qtil, bosta fuq il-midja soċjali tellgħu ritratti tal-foka tgħum lil hinn mill-kosta tal-gżira u appellaw biex il-qattiel jitressaq quddiem il-ġustizzja.

Hu mifhum li l-popolazzjoni ta’ dawn ix-xorta ta’ foki Mediterranji ma taqbiżx is-700, b’nofshom jgħixu fil-Greċja.

Waqt li din l-ispeċi mhix meqjusa f’periklu kbir ħafna li tgħib għalkollox minn wiċċ id-dinja, ir-riċerkaturi jwissu li l-eżistenza tagħhom mhix sigura.