Aġġornat – l-IS wara l-attakk li qatel 39 ruħ f’nightclub f’Istanbul

Il-grupp li jsejjaħ lilu nnifsu Stat Iżlamiku refa’ responsabbiltà għall-attakk f’nightclub fil-belt kapitali Torka li ħalla 39 mejta f’lejliet l-Ewwel tas-Sena. L-IS qal li l-attakk kien twettaq minn “suldat erojku”.

Il-midja Torka qalet li t-terrorista spara xejn inqas minn 180 bullet minn arma tan-nar li ħareġ mill-bagoll tat-taxi hekk kif wasal quddiem il-post tad-divertiment Reina, fejn wettaq l-attakk.

Qabel: Fit-Turkija għadha għaddejja t-tfittxija intensiva għall-aggressur li qatel 39 persuna f’nightclub f’Istanbul, lejlet l-Ewwel tas-Sena. Ir-raġel armat fetaħ in-nar f’nightclub popolari li kien mimli bin-nies jiċċelebraw il-bidu ta’ sena ġdida. Ir-raġel irnexxielu jaħrab minn fuq il-post wara li darab 70 persuna.

L-Istat Iżlamiku s-sena li għaddiet kien responsabbli għal tal-inqas żewġ attakki terroristiċi fit-Turkija.

Il-President Recep Tayyip Erdogan qal li l-għan ta’ gruppi bħal dan hu li joħolqu l-kaos.

Aktar min-nofs il-vittmi li tilfu ħajjithom fl-attakk – li dam mas-seba’ minuti – kienu turisti.