Lokali
Tgħaddi b’mod unanimu mill-Parlament il-liġi l-ġdida tal-kirjiet ta’ qabel l-1995

Għaddiet b’mod unanimu mill-Parlament il-liġi l-ġdida tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 li tolqot madwar 10,000 proprjetà f’Malta li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju li ġej. Waqt li elenka d-dettalji ta’ din ir-riforma, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, fisser din il-liġi bħala storika għax toffri serħan il-moħħ lill-inkwilini filwaqt li tassigura dħul xieraq lis-sidien.

Għall-ewwel darba f’mitt sena l-pajjiż għandu liġi ġdida għall-kirjiet protetti ta’ qabel l-1995. Bil-liġi l-ġdida, is-sid tal-proprjetà għandu d-dritt jikkontesta l-kirja quddiem il-Bord tal-Kera u jista’ jieħu lura sa 2% tal-valur tal-proprjetà. Bir-riforma, is-sid jista’ jiżgombra lill-inkwilini mill-proprjetà tiegħu f’każ li dawn ma jgħaddux mit-test tal-mezzi. L-inkwilini għandhom ċans sentejn biex joħorġu mill-proprjetà.

Mill-banda l-oħra l-inkwilini se jibbenefikaw minn benefiċċju sa €10,000 fis-sena għal żidiet li jista’ jkun hemm fil-kirja. B’din il-liġi, qed ikun aċċertat li fil-każ tal-pensjonanti, il-Gvern se jassorbi ż-żieda fil-kirja kollha filwaqt li għal dawk f’kirja simili iżda għandhom impjieg, se jkun aċċertat li l-kirja l-ġdida, skont kif stipulata mill-Bord tal-Kera, ma tkunx ogħla minn 25% tad-dħul tagħhom.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, iddeskriva din ir-riforma bħala pass storiku għax isserraħ moħħ l-inkwilini filwaqt li tiżgura dħul xieraq lis-sidien.

Il-Ministru Galdes qal li din se tkun l-aħħar ġenerazzjoni ta’ inkwilini li se jirċievu protezzjoni mill-Gvern. Mistoqsi minn Television Malta x’se jiġri minn ulied dawn l-inkwilini, il-Ministru Galdes qal li l-Gvern qed jaħseb għal dan ukoll fosthom bil-bini ta’ appartamenti ġodda għall-housing.

B’reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern tilef opportunità li jindirizza l-problema tal-kirjiet darba għal dejjem. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Ivan Bartolo, qal fi stqarrija li l-Partit Nazzjonalista hu diżappuntat li l-proposti li għamel biex titjieb din il-liġi ma ngħatawx widen mill-Gvern. Argumenta li l-liġi l-ġdida se tfisser iktar dewmien għas-sidien u għall-inkwilini fil-Qorti sakemm tiġi stabbilita l-kera l-ġdida. Żied li ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Gvern li l-kawżi tal-kera mhux se jibqgħu jmorru għal medjazzjoni.