Lokali
Tgħid li l-ġid u t-tkabbir ekonomiku ma jiswew xejn jekk ikun hemm persuni mċaħħda mid-dinjità

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-ġid u t-tkabbir ekonomiku ma jiswew xejn jekk ikun hemm persuni mċaħħda mid-dinjità umana tagħhom.

Waqt l-għoti tal-awguri mal-membri ta’ Korp Diplomatiku, il-President appellat għal sistema strutturata ta’ qsim ta’ responsabbiltà fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u mhux iktar għal soluzzjonijiet ad hoc kif sar fil-każ tal-49 persuna, fosthom sitt itfal li qattgħu kważi tliet ġimgħat fuq il-baħar.

Fl-aħħar diskors tagħha bħala President lill-Ambaxxaturi u l-Konsli Onorarji akkreditati għal Malta, waqt l-għoti tal-awguri għas-sena l-ġdida, il-President Marie-Louise Coleiro Preca ħeġġithom biex jenfasizzaw li d-dinjità umana, speċjalment tal-persuni vulnerabbli għandha tkun fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom.

”Wealth and economic prosperity mean nothing, when we are still depriving people from their rightful and intrinsic human dignity” qalet il-President ta’ Malta.

Il-President staqsiet kif setgħu pajjiżi Ewropej, jippermettu t-tbatija psikoloġika, fiżika u emozzjonali tal-immigranti abbord żewġ vapuri ta’ għaqdiet mhux governattivi għal tant tul ta’ żmien. Hija fakkret li dawn il-persuni qed jaħarbu minn sitwazzjonijiet ta’ diffikultà bħal gwerer, faqar estrem, persekuzzjoni u abbuż u l-effetti ta’ degradazzjoni ambjentali. Il-President appellat biex il-kwistjoni tal-immigrazzjoni tkun tindirizzata b’mod struttura u dinjituż bejn il-pajjiżi ewropej u mhux bis-sulluzu meta tinqala’ emerġenza.

“We must face the phenomenon of migration together, not in an ‘ad hoc’ manner, but by sharing responsibilities among European Member States in a dignified manner, and which respects fundamental human rights” qalet il-President ta’ Malta.

Il-President Coleiro Preca appellat għall-impenn akbar favur id-drittijiet tal-bniedem u ħeġġet lill-pajjiż tal-Unjoni Ewropea sabiex iżommu l-ideali tas-solidarjetà li fuqu nbniet l-Unjoni Ewropea. Qalet li biex tirrenja l-paċi globali, jeħtieġ li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi u l-inġustizzji b’impenn globali ta’ solidarjetà soċjali.

Il-President Coliero Preca qalet li l-elezzjonijiet Parlamentari Ewropej se jkunu opportunità għall-Ewropej biex juru x’tip ta’ istituzzjonijiet jixtiequ li jkollhom. Qalet li qed naraw riżultati ta’ dak li jiġri meta l-Gvernijiet jabbandunaw il-kuntratt soċjali favur profitti eċċessivi u n-nies jitilfu l-fiduċja fil-klassi politika u jirrikorru għal ideoloġiji popolisti.

Hija kkwotat statistika li turi li persuna minn kull erbgħa fl-Ewropa qed tgħix fil-faqar. Ħeġġet għalhekk biex l-isforzi tal-Ambaxxaturi u l-Kummissarji Għolja jkunu ffukati fuq il-bżonn tal-ugwaljanza u s-solidarjetà.

Il-President appellat lill-Korp Diplomatiku sabiex f’ħidmietu jagħti impenn akbar favur it-tisħiħ soċjali u ekonomiku tal-kontinent Afrikan, ir-responsabbiltajiet ambjentali, il-paċi fil-Mediterran u l-edukazzjoni għax din qalet hija ċ-ċavetta biex jingħeleb l-estremiżmu u l-inkwiet soċjali.

Id-Dekan tal-Korp Diplomatiku, l-ambaxxatur tal-vatikan Alessandro D’Errico qal li l-2018 saret parti mill-istorja iżda l-forzi li ċaqilqu l-istorja, sew dawk tajbin kif ukoll dawk inqas tajbin, jibqgħu magħna. Qal li kull bidu ta’ sena ġdida jġib miegħu tama biex l-istorja li għad trid tinkiteb tkun magħmula minn forzi tajbin favur id-dinjità ta’ kull persuna.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Taljan ta’ 44 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar ġie mixli b’serq aggravat bi vjolenza fuq anzjan ta’ 77 sena. Il-każ seħħ fl-aħħar tax-xahar l-ieħor minn stabbiliment fi Triq il-Ħġejjeġ,…

Lokali

Il-President George Vella qal li għandu riservi serji dwar il-legalizzazzjoni tal-marijuana rikreattiva. F’konferenza tal-Fondazzjoni Oasi, il-President stqarr li l-kannabis tista’ tkun ta’ benefiċċju għal skop mediku, iżda appella għal kawtela…

Lokali

Fil-Bajja tal-Balluta, bdiet tintuża teknoloġija ġdida biex ir-ramel minn qiegħ il-baħar jittella’ biex terġa’ tifforma l-bajja ramlija. Sandro Gatt, li huwa responsabbli mill-proġett f’isem il-Grupp Polidano, spjega lil TVM li…

Edukazzjoni

Wara li l-Ministeru għamel konsultazzjoni pubblika fuq l-uniformi tal-iskola mal-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri, l-għażla tal-maġġoranza fost kull grupp kienet favur li l-uniformi tkun tracksuit komda u ta’ kwalità, inklużi poloshirt,…

Aktar