Qorti
Tgħid li qed tgħix f’garaxx minħabba d-dejn ta’ binha f’negozju ma’ Tyson Butcher

Mara ta’ 70 sena li ressqet rikors biex tingħata għajnuna medika mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qalet li spiċċat tgħix f’garaxx fil-Fgura, wara li kellha tbigħ id-dar tagħha biex tgħin lil binha.

Id-dipartiment irrifjuta t-talba tal-mara għax qal li din ma kinitx marret fl-uffiċċju distrettwali bħal ma ntalbet biex tagħmel f’avviż li ntbagħat lilha darbtejn.

L-arbitru qies kif fl-2016 l-anzjana kienet biegħet darha u tat il-maġġoranza tal-qligħ lil binha, minħabba li dan kien daħal f’negozju ħażin ma’ dak li kien is-sid ta’ Tyson Butcher, li kien inqatel.

Skont proċeduri ta’ falliment li saru sitt snin ilu, il-Qorti kienet sabet li l-mejjet Jonathan Pace kellu dejn ta’ madwar €2 miljun, fosthom ‘il fuq minn €100,000 ma’ binha.

L-arbitru qal li l-anzjana ma tistax titqies li ddisponiet minn ġidha b’mod irresponsabbli, għaliex id-dar biegħetha biex tgħin lil binha.

Madanakollu d-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali appella mid-deċiżjoni tal-arbitru, u sostna li l-anzjana naqset milli twieġeb domandi dwar €20,000 li jidher li żammet mill-bejgħ tad-dar u dwar garaxx li għandha fil-Fgura. Qal li dan it-tagħrif kien bżonnjuż biex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk din tikkwalifikax għall-għajnuna.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff tat raġun lid-Direttur Ġenerali, u nnotat li minkejja li ma tressqitx prova li l-anzjana kienet intalbet tmur fl-Uffiċċji Distrettwali, hija lanqas ma ċaħdet li kienet intalbet tagħmel dan.

Il-Qorti kompliet tinnota li l-mara ma ressqet l-ebda prova dwar l-assi tagħha, u għalhekk laqgħet l-appell tad-Direttur Ġenerali.