Xjenza
Tgħid x’sar mill-ġebla tal-qamar li kienet insterqet mill-Imdina?

Ġebla li nġiebet minn fuq il-qamar ilha nieqsa mill-kollezzjoni nazzjonali mill-2004. Il-ġebla kienet fil-Mużew tal-Istorja Naturali fl-Imdina, minn fejn insterqet sewwa sew bħal-lum 15-il sena ilu.

Il-ġebla kienet parti minn blata li nġabret minn fuq il-qamar fl-1972 mill-missjoni Apollo 17 permezz tal-astronawta Harrison Schmitt. Il-blata tqassmet f’biċċiet żgħar ta’ madwar gramma kull wieħed. Il-kampjun tpoġġa f’kontenitur tal-plastik u twaħħal fuq plakka tal-injam, flimkien ma’ bandiera Maltija li kienet ittellgħet fuq il-qamar mill-ekwipaġġ ta’ Apollo 17.

Din il-plakka ntbagħtet Malta fl-1973 mill-President tal-Istati Uniti, Richard Nixon, l-istess kif għamel mal-pajjiżi l-oħra tad-dinja f’ġest li sar biex jippromwovi l-paċi u l-armonija.

Fis-serqa ta’ ħmistax-il sena ilu, il-bandiera u l-plakka ma ttiħdux u għadhom parti mill-kollezzjoni nazzjonali. Mistoqsi kemm hi stmata li tiswa l-ġebla misruqa, kelliem għal Heritage Malta wieġeb li l-mużewijiet ma jikkollezzjonawx oġġetti fuq il-bażi tal-valur monetarju tagħhom. Madankollu, rapporti fil-midja internazzjonali kienu kwotaw ċifri sa $5 miljun u oħrajn qalu li hi imprezzabbli.

Jirriżulta li hemm diversi ġebel li nġieb mill-qamar, u li ngħataw lil pajjiżi b’tifkira, li nsterqu.

Xahrejn oħra d-dinja tfakkar il-ħamsin anniversarju mill-ġrajja ta’ Apollo 11, meta f’Lulju 1969 l-bniedem rifes għall-ewwel darba fuq il-qamar permezz tal-astronawti Neil Armstrong u Buzz Aldrin. Anke f’dak il-każ, l-Apollo 11 tellgħet fuq il-qamar il-bandiera Maltija.

Malta għandha tifkira ta’ din il-missjoni. Fil-kollezzjoni ta’ Heritage Malta fil-Mużew tan-Natura f’Għawdex, hemm erba’ kampjuni żgħar ta’ ġebel minn fuq il-qamar li nġabru mill-astronawti Neil Armstrong u Buzz Aldrin. L-erba’ ġebliet jiżnu b’kollox 0.05 ta’ gramma u jinsabu f’kontenitur tal-plastik b’qies ta’ munita.

Esebita wkoll il-bandiera Maltija li l-ekwipaġġ ta’ Apollo 11 kien tella’ miegħu. Il-kampjuni tal-ġebel u l-bandiera Maltija kienu ngħataw rigal lill-poplu Malti mill-President tal-Istati Uniti, Richard Nixon. Bħalhom ingħataw ukoll lil 134 pajjiż ieħor madwar id-dinja.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

“Għajnu Aħmar it-Tonn” jew “It-Tonn tal-Melliħin” kienet l-għajta tas-sajjieda Melliħin li sal-bidu tas-sittinijiet kienu jbiegħu t-tonn li jaqbdu bit-Tunnara. Is-sajd bit-tunnara nqata’ iżda fil-mużew tat-Tunnara fil-bajja tal-Mellieħa, għaqda volontarja Melliħija ikkonservat…

Pulizija

Fl-aħħar xahrejn, l-uċuħ ta’ erba’ Pulizija saru familjari mal-komunità tal-Mellieħa. Ir-residenti laqgħuhom u jqisuhom “ta’ ġewwa”. Dawn l-erba’ uffiċċjali jiffurmaw l-ewwel Community Policing Team fi proġett pilota mniedi mill-Korp. Intervistat…

Malta

Fil-Greċja, hemm madwar 3,500 persuna b’konnessjonijiet Maltin, il-maġġoranza f’Korfu fejn jgħixu Griegi b’nisel Malti li saħansitra jwasslu sar-raba’ u l-ħames ġenerazzjoni. Waqt żjara fil-Greċja, il-President George Vella ltaqa’ ma’ rappreżentanti…

Aktar