X

Tħaddan magħha lil binha Cristiano – jinstab ukoll is-sieħeb tat-tfajla

Tikber il-possibiltà li t-tarbija li kienet abbundannat ftit wara li twieldet nhar il-Ġimgħa tingħaqad ma’ ommha wara li t-tfajla ta’ 22 sena ġiet identifikata u aċċettat li t-tifel huwa tagħha u ħadnitu magħha fl-isptar. Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu lil TVM li madankollu qabel isir dan, hemm proċess sħiħ biex jassigura l-aħjar ġid tat-tarbija. Fil-fatt l-Aġenżija Appoġġ se tibqa’ għaddejja bil-proċeduri biex it-tarbija u tarbija oħra ta’ sena tal-istess omm jitpoġġew taħt care order temporanja.

Kmieni waranofsinhar il-pulizija ħabbret li kienet qed titkellem mal-mara fl-għassa tal-Qawra wara li filgħodu l-ispettur Godwin Scerri, mar fir-residenza tat-tfajla u wara ġiet eżaminata mill-espert forensiku, it-Tabib Mario Scerri. Aktar tard ittieħdet l-isptar b’ambulanza u fis-sala ‘Disneyland’, it-tfajla ittieħdet tara lil binha.

Il-pulizija dentifikaw il-mara bl-ghajnuna tal-Aġenzija Appoġġ. Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien tas-Servizzi Soċjali, Alfred Grixti qal lil TVM li l-Aġenzija kienet qiegħda ssegwi lit-tfajla peress li tuża s-servizzi tal-Appoġġ minħabba li għandha tarbija oħra ta’ sena u kienet qed tingħata l-appoġġ tal-Aġenzija.

TVM huwa infurmat li l-pulizija sabet ukoll is-sieħeb tat-tfajla u mistennija jsiru eżamijiet tad-DNA biex jiġu konfermati li huma l-ġenituri tat-tarbija. B’dawn l-iżvilupp ġie infurmat il-Maġistrat Joe Mifsud li qed imexxi l-inkjesta dwar il-każ u jara li l-omm tingħata l-għajnuna kollha li tenħtieġ.

Fl-aħħar jumejn wara l-abbandun tat-tarbija għexieren ta’ persuni ħadu ħwejjeġ u oġġetti oħra li jkollha bżonn it-tarbija fl-Għassa tal-Qawra. Fuq Facebook, is-Surġent Glen Carabott li kien l-ewwel li ħaddan it-tarbija, f’isem is-superjuri tiegħu, irringrazzja lill-poplu Malti tal-ġenerożità li ntweriet.

av :