Kronaka
Tħalli l-karozza pparkjata u ssibha f’dan l-istat

F’post fuq il-midja soċjali, persuna xerrdet ritratti tal-karozza tagħha, wara li din kienet involuta f’hit-and-run ftit tal-jiem ilu.

Fuq Facebook qalet kif fil-11 ta’ Jannar, ħalliet il-karozza pparkjata f’kaxxa bajda fi Triq il-Marfa, l-Għadira, iżda għal ħabta tat-15:10 ġiet infurmata li l-karozza tagħha kienet involuta f’inċident stradali.

Malli waslet ħdejn il-karozza, evidentament milquta, innutat li bid-daqqa apparti l-ħsarat, il-karozza mxiet mill-kaxxa l-bajda fejn kienet ipparkjata għal f’kaxxa blu għall-parkeġġ tal-persuni f’diżabilità.

Waqt li rringrazzjat lil PC1228 tal-interess li wera fil-każ tagħha, hi tkellmet dwar il-bżonn ta’ kameras tas-sigurtà, biex min għamel dan l-att, u atti oħra futuri, jkun jista’ jinżamm kontabbli.

Staqsiet ukoll x’kien iseħħ li kieku ntlaqat xi ħadd bid-daqqa mill-karozza tagħha, u wissiet li dawn l-inċident seta’ kellu konsegwenzi ferm agħar.